• Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Id-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi

    16 ta’ Novembru 2018

    Id-Dar tal-Providenza tgħallimni kif ngħix il-motto li għażilt biex ikun ta’ ispirazzjoni għall-ministeru episkopali tiegħi: Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

    Hawnhekk hawn l-għożża tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Kull min jiġi hawn jifhem kif il-ħajja ta’ kull bniedem hi prezzjuża u għandna ngħożżuha għax il-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla. Hu min hu, hi min hi.

    Hawnhekk hawn l-għożża tal-ħajja bl-imħabba. Hi din l-imħabba r-ruħ tad-Dar tal-Providenza u tal-ħidmiet li jsiru f’din id-Dar, u minn hawn toħroġ ukoll ’il barra biex tmiss il-qalb tal-Maltin.

    Nixtieq nuri l-gratitudni u l-apprezzament sħiħ tal-Knisja f’Malta lejn ir-residenti ta’ din id-Dar u lejn id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef, Fr Trevor Fairclough, is-sorijiet tal-Karità, il-persuni kollha li jaħdmu hawn u l-voluntiera kollha. Grazzi mill-qalb, għax dak li qed tagħmlu hu espressjoni mill-isbaħ tal-qalba tal-ħajja Nisranija, ta’ dak li hi l-Knisja fil-missjoni tagħha fis-soċjetà Maltija.

    Nawgura li fuq il-passi ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, li b’mod profetiku u providenzjali beda din id-Dar, aħna lkoll inkomplu nxerrdu l-messaġġ li joħroġ b’qawwa minn hawn: Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  • Ritratti: Dar tal-Providenza