L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Marija u Ġuda. Dawn huma tnejn mill-personaġġi li jissemmew illum fl-Evanġelju skond San Ġwann, u nixtieq li nħarsu ftit lejn dawn it-tnejn. Marija, oħt Marta u Lazzru, li kienu joqogħdu f’Betanja u li kienu familja ħbieb ta’ Ġesù, jafu lil Ġesù mill-qrib. Ġuda, wieħed mit-tnax, wieħed minn dawk li kien għażel Ġesù biex ikunu aktar qrib tiegħu, u hawnhekk akkumpanjah, fil-fatt, f’din l-ikla li saret f’Betanja. Hemm kuntrast kbir f’dan l-Evanġelju bejn dawn it-tnejn: Marija minn naħa, u Ġuda min-naħa l-oħra.
L-Evanġelju jgħid li Marija ġabet fwieħa tiswa ħafna u dilket riġlejn Ġesù b’din il-fwieħa. Kien att ta’ mħabba kbira, imħabba li kellha f’qalbha lejn Ġesù li riedet tesprimiha b’dal-mod. Għalhekk dil-fwieħa, li mbagħad imliet id-dar b’riħa tfuħ, kienet turi din l-imħabba kbira tagħha. Marija narawha f’mumenti oħra, u l-Evanġelju skont San Luqa jurina meta darba minnhom Ġesù mar fl-istess dar, u Marija “niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid” (Lq 10:39). Kellha din id-dispożizzjoni li tisma’ lil Ġesù, li tistma l-kelma tiegħu u l-preżenza tiegħu, li timtela bl-imħabba tiegħu. Imbagħad, hawnhekk turi l-imħabba tagħha u l-gratitudni kbira tagħha lejh.
Ġuda, min-naħa l-oħra, li kien wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù, anzi wieħed mit-tnax, wieħed qrib tiegħu. Imma mhux qrib tiegħu f’qalbu. Bl-Ingliż hemm espressjoni li tgħid: “So near and yet so far”. U veru. Kien ’il bogħod f’qalbu minn Ġesù. Fil-fatt il-flus għamewh. Hawnhekk jgħid li kien jieħu ħsieb il-flus, kien il-kaxxier, u “kien jisraq kulma kienu jaqilgħu” (Ġw 12:6). Għalhekk, meta jsemmi l-foqra, mhux għax veru jimpurtah mill-foqra imma għax kien diġà qed jara xi flus jista’ jdaħħal. Ġuda kien qrib Ġesù, imma ma semax il-kelma tiegħu, ma ħalliex il-kelma tiegħu tibdlu f’dixxiplu veru ta’ Ġesù li jkun qrib tiegħu f’qalbu. Filwaqt li Marija dilket riġlejn Ġesù bil-fwieħa, lil Ġuda kien Ġesù li, aktar ’il quddiem, jaħsillu saqajh flimkien mal-oħrajn fl-Aħħar Ċena, biex jurih l-imħabba sal-aħħar tiegħu. Imma Ġuda baqa’ qalbu magħluqa għal Ġesù. Nafu li fl-Ort tal-Ġetsemani jbusu verament lil Ġesù, imma mhijiex bewsa sinċiera, mhijiex bewsa espressjoni ta’ mħabba bħalma wriet Marija hawnhekk, imma bewsa ta’ tradiment. Jispiċċa biex jasal għat-tradiment ta’ Ġesù. Ara l-kuntrast bejn Marija u Ġuda.
Dan hu messaġġ għalina speċjalment fil-bidu ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa. Qed ifakkarna li aħna lkoll imsejħin biex insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù f’qalbna. Li qalbna timtela bl-imħabba tiegħu u tkun mimlija bl-imħabba lejh. U tiġbdilna l-attenzjoni li rridu noqogħdu attenti: mhux billi nkun qrib tiegħu minn barra, għax Ġuda qrib tiegħu kien u jimxi miegħu, bħalma mar miegħu għall-ikla. Imma f’qalbna nkunu qrib tiegħu, hemm inkunu verament dixxipli ta’ Ġesù – meta nkunu f’qalbna qrib tiegħu.
Hawnhek Ġesù jgħid ħaġa oħra li wkoll tagħtina messaġġ importanti, meta jgħid: “il-foqra ssibuhom dejjem magħkom” (Ġw 12:8). Innutaw li ma qalx lil Ġuda, b’reazzjoni għall-kliem tiegħu: ħallik mill-foqra, agħti każ tiegħi. Ma qalx hekk, imma qal: “il-foqra ssibuhom dejjem magħkom”. Jiġiferi dejjem għandkom ir-responsabbiltà li tieħdu ħsieb il-foqra. Dan hu importanti ħafna għalina wkoll: li aħna qatt ma nagħlqu qalbna għal min hu fqir. Tant hemm faqar illum ta’ tipi differenti. Nagħrfu min hu fil-bżonn tal-għajnuna tagħna, min hu fl-akbar bżonn. U niftakru l-kliem ta’ Ġesù stess, li qal: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Il-foqra dejjem magħna, u dan ifisser li dejjem għandna r-responsabbiltà li nieqfu ma’ min hu fqir u ngħinu lil min hu fqir.
Nitolbu lill-Mulej illum biex ikollna dan l-ispirtu ta’ Marija: qalbna mimlija bl-imħabba tiegħu, nuruh verament l-imħabba tagħna, u nuru din l-imħabba lejh billi nieqfu ma’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma fil-bżonn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta