L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħafna minna nsibu din il-paġna tal-Evanġelju forsi waħda mill-itqal, mhux biex nifhmuha, imma biex nagħmluha. Għaliex aħna nifhmu li l-liġi, li Ġesù jippreżenta bħala l-punt tat-tluq, diġà hi raġonevoli ħafna: “għajn b’għajn, sinna b’sinna” (Mt 5:38).

Din il-liġi antika li nsibu fir-Rabta l-Qadima kienet diġà liġi li tgħidlek: jekk xi ħadd ħadlek għajn ma taqtagħlux rasu, għajn b’għajn. Għal sinna ma tiħux xedaq, imma sinna. Dak li aħna ngħidulha l-liġi tal-proporzjonalità. Kienet allura diġà liġi ta’ raġonevolezza kbira u aħna ħafna drabi lanqas din ma jirnexxilna nsegwu anzi min jagħtik daqqa, agħtih xebgħa kbira. Hekk kultant ngħidu bejnietna fir-rabja li taħkimna.

Ġesù qed jispirana u jisfidana biex nagħmlu pass ’il quddiem. “Ħobb lill-għadu tiegħek (ara Mt 5:43). U jagħtina ħafna eżempji. Jiena biex nifhimhom, ngħid għalija personali u biex nagħmel sens minn dil-kelma ta’ Ġesù, li hi kelma iebsa għall-istint tagħna, niftakar f’Ġesù fil-passjoni tiegħu.

Fil-passjoni tiegħu Ġesù ma waqafx għall-ħażin. Fil-passjoni tiegħu Ġesù għal min tah daqqa ta’ ħarta fuq ħaddejh il-leminija, dawwarlu l-oħra wkoll. Tellgħuh il-qorti, neżżgħuh mill-ilbies tiegħu, tahom ukoll il-mantar. Mhux hekk ngħidu: li qasmu ħwejġu bix-xorti? Nistgħu ngħidu li Ġesù hu u jagħmel il-lista ta’ dawn il-pariri, qed jantiċipa dak li kellu jgħaddi minnu hu.

U aħna nafu għax dan il-mument straordinarju fil-ħajja ta’ Ġesù se nibdew niftakru fih b’mod speċjali minn Ras ir-Randan li hu l-Erbgħa li ġejjin, meta nibdew din il-mixja li tressaqna lejn il-Qalb ta’ Ġesù, lejn dik il-ġimgħa li nsejħulha l-Ġimgħa Mqaddsa, li fiha nerġgħu nfakkru x’għamel Ġesù għalina, x’għallimna u x’bata għalina.

Allura meta tiġi ttentat biex tpattiha lil xi ħadd u forsi l-ħsieb tal-vendetta jiġik ħelu, għalkemm iħalli qrusa fil-qalb, ejjew nammettu, għax inti tpattiha imma mbagħad titlef il-paċi. U l-paċi m’għandhiex prezz. Inti forsi tkun ħadt is-sodisfazzjon: ħaqqu, pattejthielha, pattejthielu. Imma jekk imbagħad dak li għamilt seraqlek il-paċi ta’ qalbek, x’ħadt?

Allura nifhmu li dak li qed jipprova jispjegalna Ġesù, għalkemm hu iebes, hu ta’ veru ġid għalina, hu l-ħabib tal-paċi ta’ qalbna. Imma qed jgħidulna xi ħadd li meta ġie għas-si u n-no, kull kelma li qal, għexha.

Meta tiġi ttentat tpattiha lil xi ħadd u forsi l-ħsieb tal-vendetta jiġik ħelu, għalkemm iħalli qrusa fil-qalb, ejjew nammettu, għax inti tpattiha imma mbagħad titlef il-paċi.

Ħafna drabi biex inħares madwari u nifhem min qed jgħixha din il-kelma? Niftakar f’tant ġenituri, il-missier u l-omm, jirċievu azzjoni ħażina minn xi ħadd minn uliedhom. U inti tinnota l-omm u l-missier – mhux il-kliem li jgħidu – għax meta fid-dagħdigħa tar-rabja u d-dispjaċir u l-uġigħ tal-qalb, kulma jiġi għal ilsienek tgħidu. Mhux li tgħid imma x’jagħmlu. Il-paċenzja, id-dmugħ fis-skiet, il-maħfra ta’ vera. Meta rridu ngħidu imma din il-kelma ta’ Ġesù hawn xi ħadd li jgħixha? Ftakru f’tant ġenituri li jaħfru dejjem u kullimkien.

Kont qed nitkellem ma’ omm fuq dil-ħaġa. Qaltli: ‘u dik mhux hi batiet għalih lil binha, tista’ ma taħfirlux?’ Għax aħna fil-ħajja meta nkunu f’xi biċċa borma tagħli nfittxu avukat ta’ din id-dinja imma l-ikbar avukat hi l-omm. Jagħmel x’jagħmel it-tifel, jibqa’ dejjem it-tifel. ‘Dun, dak jibqa’ ibni, dak jibqa’ ibni’.

Allura hawnhekk nifhmu għaliex Ġesù hu u jikkummenta l-Evanġelju jgħid: “kunu bħall-missier” anzi juża l-kelma “perfetti” (Mt 5:48). Xi tfisser? Ikollkom il-milja, il-perfezzjoni hi l-milja tal-imħabba bħalma għandu l-milja tal-imħabba l-Mulej li jibgħat ix-xemx u x-xita fuq kulħadd (ara Mt 5:45), fuqna li ma jistħoqqilniex. Ġesù jagħmilha bil-pulit: fuq it-tajbin u l-ħżiena imbagħad kulħadd jagħżel liema tessera jrid jieħu. Aħna mhux it-tnejn ikollna fil-but? Inżeffnu liema waħda jaqblilna? Imma l-Mulej iħenn għalina. Meta tiġi ġurnata sabiħa tkun għal kulħadd, bħalma meta kien hawn il-grigalata ta’ żmien San Pawl biex tfakkarna f’liema kundizzjoni ġie, kienet għal kulħadd ukoll.

U b’xi mod ukoll l-imħabba ta’ Alla ma tagħmilx distinzjonijiet. Ejjew nitolbu din il-grazzja, li qegħdin fuq l-għatba tar-Randan imqaddes, jalla r-Randan imqaddes jgħinna nħobbu bħalma jħobbna Alla, bħalma jħobb il-Missier lil uliedu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Lev 19:1-2,17-18
Salm: 102(103):1-2,3-4,8,10,12-13
Qari II: 1 Kor 3:16-23
L-Evanġelju: Mt 5:38-48

Aktar ritratti