F’lejlet Jum id-Duluri, l-Arċisqof Charles Scicluna għamel żjara pastorali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’Raħal Ġdid fejn iċċelebra quddiesa mar-residenti, l-uffiċjali korrettivi u l-amministraturi tal-Faċilità fil-Kappella tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof iffoka fuq kliem Ġesù “qabel ma kien Abraham, jiena hu”, li juri b’mod ċar l-identità tiegħu bħala l-Iben t’Alla. Qabel il-Ġimgħa Mqaddsa, dan ifakkarna li dak li se jbati u jmut huwa Alla magħmul bniedem. L-omelija tgħaqqad dan mal-figura ta’ Marija Addolorata, li tibqa’ wieqfa ħdejn is-salib bħala sinjal ta’ fedeltà u mħabba li ma taqta’ qalbha qatt. Tħeġġiġna naduraw lil Ġesù fuq is-salib u nberkuh, billi nagħrfu s-sagrifiċċju tiegħu għall-fidwa tagħna. Jissemma wkoll il-ħalliel it-tajjeb, li minkejja dnubietu, jagħraf l-innoċenza u s-saltna ta’ Ġesù, u b’hekk jirċievi l-wegħda tal-ġenna. L-Arċisqof juża l-eżempju tal-ħalliel it-tajjeb biex ifisser li permezz tal-fidi u l-indiema, aħna wkoll nistgħu niksbu l-ħajja ta’ dejjem u l-paċi li jagħti l-Mulej.

Wara l-quddiesa, l-Arċisqof tkellem ma’ wħud mill-uffiċjali korrettivi, impjegati u r-residenti kif ukoll żar diversi faċilitajiet li joffru servizz lill-persuni fil-ħabs.

F’Jum id-Duluri, l-Arċisqof żar iċ-Ċentru għas-Servizzi Restorattivi Residenzjali (CoRRS) fl-Imtaħleb fejn iltaqa’ maż-żgħażagħ taħt il-21 sena li qed jgħixu hemmhekk sakemm jiskontaw is-sentenza tagħhom. Matul iż-żjara kellu ċ-ċans jiekol u jitlob magħhom b’mod personali, speċjalment ma’ persuna li lbieraħ kien l-aħħar jum tagħha fiċ-ċentru. L-Arċisqof iddawwar maċ-ċentru fejn kellu ċ-ċans jiltaqa’ mal-ħaddiema u l-amministraturi taċ-Ċentru li spjegawlu kif jaħdem iċ-Ċentru u l-programmi joffru lir-residenti sabiex jiġu rijabilitati lura fis-soċjetà.

Fiż-żjarat l-Arċisqof kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma u diversi uffiċjali oħra.

Ritratti: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Aktar ritratti