-
Pastoral and Financial Report for the year 2012
-
Riżorsi Finanzjarji għall-Pastorali
Wara r-riżultati finanzjarji negattivi ta’ dawn l-aħħar snin, fejn b’kollox ġie rreġistrat telf ta’ aktar minn €3,500,000 bejn l-2008 u l-2011, il-Knisja f’Malta rnexxielha tirreġistra riżultati finanzjarji pozittivi għas-sena 2012. Dawn ir-riżultati ser jgħinu biex il-Knisja tkompli toffri s-servizzi tagħha lil diversi kategoriji tas-soċjetà permezz tal-entitajiet tagħha u fl-istess ħin tikkompensa ftit għat-telf li seħħ fis-snin imsemmija.
Dan ir-rapport finanzjarju pastorali qed jiġi ppreżentat fid-dawl ta’ dak li qed jiġri bħalissa fil-Knisja permezz tal-Papa Franġisku. Propju fl-aħħar preżentazzjoni tar-rapport finanzjarju tal-Vatikan, li saret f’Lulju ta’ din is-sena, fil-konferenza stampa ntqal li għandna kompitu ċar mill-Papa: li nkunu trasparenti u jkollna immaniġjar aħjar. Il-Papa jixtieq li r-riżorsi nużawhom tajjeb ħalli l-ispejjeż nistgħu nindirizzawhom bl-aħjar mod u jintefaq biss dak li hu neċessarju. Il-Papa kontinwament jgħid: meta tkunu ser tagħmlu xi spiża straordinarja ftakru fil-ħafna persuni li qed imutu bil-ġuħ.
Trasparenza u Mmaniġjar
Dan l-aspett ta’ trasparenza kien ħareġ ċar ħafna fis-Sinodu Djoċesan 1999-2003 u wassal biex il-Knisja f’Malta, għal dawn l-aħħar ħdax-il sena, tippubblika dan ir-rapport.
Dwar l-aspett ta’ immaniġjar, wara li l-Knisja f’Malta kienet u għadha toħroġ flus minn ġewwa f’sussidji lill-entitajiet tagħha mill-Fond Ċentrali, sar eżerċizzju mill-Amministrazzjoni Ċentrali biex jitnaqqsu l-ispejjeż. Dan bil-għan li l-entitajiet tal-Arċidjocesi, li jgħoddu ‘l fuq minn 100, ikunu jistgħu jibqgħu mixjin bl-operat pastorali li huwa fil-qalba tal-missjoni tal-Knisja.
Kif Tnaqssu l-Ispejjeż
Ir-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju wassal biex l-Amministrazzjoni tkun aktar attenta fl-infiq. Dan billi jiżdiedu l-impjiegi biss fejn huwa meħtieġ, peress li l-pagi huma l-akbar spiża; billi l-Knisja tidħol biss għal xogħlijiet li huma neċessarji, bħal restawr jew manteniment ta’ bini, għaliex dawn jitolbu spejjeż kbar; billi jinżamm capping biex l-infiq ikun ikkontrollat, bħal fil-każ tal-infiq fil-festi u fl-RTK; billi jsir tnaqqis ukoll fl-ispejjeż ta’ miżati professjonali, stampar, posta u oħrajn.
Inizjattivi Ġodda
Fl-istess ħin qed jinħolqu inizjattivi li bihom jista’ jkun hemm aktar dħul, peress li f’ċerti oqsma d-dħul qed jonqos. Eżempju ta’ dan huwa d-dħul mill-investimenti finanzjarji. Dan it-tnaqqis il-Knisja qed tipprova tagħmel tajjeb għalih b’aktar inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi (fundraising) u kiri ta’ postijiet tal-knisja, bħall-Istitut Kattoliku u Palazzo De Piro.
Dħul ieħor li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż huma l-grants li l-Knisja tirċievi mill-Istat għall-għajnuna lil diversi oqsma, inkluż persuni fil-bżonn. Dawn huma l-Caritas għall-ħidma ma’ dawk li jeħtieġu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, il-Kummissjoni Emigranti għall-ħidma mar-refuġjati, is-Segretarjat tal-Edukazzjoni għall-pagi tal-għalliema u LSAs, u d-Djar tal-Anzjani għal dawk l-anzjani rreferuti mill-Istat.
Esiġenzi Pastorali
Minkejja li dan id-dħul ma jkoprix l-ispejjez kollha, jibqa’ l-fatt li l-operat tal-Knisja jrid jibqa’ għaddej. Eżempju ċar ta’ dan huwa t-Tribunal Ekkleżjastiku li rreġistra defiċit ta’ €457,000 minħabba li żdiedu l-ispejjeż u naqas id-dħul tal-ħlasijiet minn persuni li jressqu l-każijiet tagħhom.
Sussidju ieħor huwa fil-media fejn matul l-2012 sar investiment ta’ €512,000 biex il-Knisja taġġorna ruħha f’dan il-qasam. Dan wassal għal rinnovament fil-Media Centre, li jinkludi t-TV Unit li issa huwa armat b’ teknoloġija ġdida għaż-żminijiet tal-lum, u bl-iżvilupp tan-news portal newsbook.com.mt fl-RTK. Dan l-iżvilupp kien meħtieġ wara li l-Knisja għaddiet minn proċess ta’ ristrutturar li wassal biex ingħalqet l-istamperija, il-bookshops u l-Ġensillum online. Sussidji oħra kienu ta’ €157,000 għad-djar tal-anzjani, biex il-miżati jibqgħu kemm jista’ jkun baxxi, u ta’ €90,000 għad-djar tat-tfal.
Bilanċ Pożittiv
Dwar l-operat, ġie rreġistrat surplus ta’ €16,000. Dan huwa bilanċ totali mill-entitajiet kollha tal-Knisja, fejn xi entitajiet ikunu ħadmu biex ikollhom aktar dħul, bħal fil-każ tad-Dar tal-Providenza. Dan il-bilanċ hu meħtieġ biex l-entitajiet iħejju għal bżonnijiet li jistgħu jinqalgħu, u biex ikompli jsir investiment f’aktar inizjattivi pastorali, waqt li titjieb il-kwalità tas-servizzi li qed jingħataw fil-preżent.
Filwaqt li r-riżultat finali juri li hemm surplus, jirriżulta li għalkemm xi entitajiet jibbilanċjaw id-dħul mal-ħruġ, bħal fil-każ tal-parroċċi, entitajiet oħra jimxu kontinwament bit-telf bħal fil-każ tad-Djar tal-Anzjani, id-Djar tat-Tfal, it-Tribunal Ekkleżjastiku u l-Media. Dan it-telf ikollha tagħmel tajjeb għalih l-amministrazzjoni mill-Fond Ċentrali, għaliex jekk le, jeżisti r-riskju li dawn l-entitajiet ikollhom jieqfu joperaw. Barra minn hekk, l-entitajiet kollha tal-Knisja għandhom l-identità tagħhom, u dan ifisser li ma jistgħux jittieħdu flus minn entità li tiġġenera l-qligħ, biex jingħataw lill-entità oħra li qed tagħmel telf, anke jekk din tkun fil-bżonn.
L-operat tas-Segreterija Pastorali fi ħdan il-Kurja tal-Arċisqof, li joffri servizz lill-entitajiet l-oħra kollha, huwa ffinanzjat mill-Fond Ċentrali, bi spiża ta’ €166,800 għas-sena 2012. Dan jinkludi l-operat pastorali mat-tfal, żgħażagħ u familja, aspetti bħall-ġustizzja u paċi, dinja tax-xogħol, sport u ekumeniżmu.
Sfidi Finanzjarji
Qasam partikolari li l-Knisja qed tipprova tibbilanċja b’diffikultà huwa l-Fond tal-Kleru, li minnu titħallas ir-remunerazzjoni tal-kleru. Għal dan il-għan, il-parroċċi ntalbu jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għal dan il-Fond minn 70 għal 75 fil-mija tal-pagi kollha tal-kappillani u l-viċi kappillani biss. Il-25 fil-mija l-oħra qed jinħarġu mill-Fond Ċentrali. Fil-preżent, hemm ukoll numru ta’ parroċċi li ma jifilħux joffru biżżejjed biex jitħallsu s-saċerdoti li jwettqu ħidma pastorali fil-parroċċa.
Irid jingħad ukoll li l-Knisja għandha kapitali li ġew mogħtija lilha matul iż-żmien imma li dawn ma jistgħux jintmissu għax huma marbutin b’obbligi. Il-Knisja tista’ tieħu biss l-imgħax, u meta l-imgħaxijiet ikunu baxxi, kif inhi s-sitwazzjoni fil-preżent, l-Amministrazzjoni jkollha anqas flus xi tqassam lill-entitajiet tagħha. Dan jgħodd ukoll għall-propjetà fejn ma jistax isir dħul b’xi inizjattivi li jrendu peress li l-propjetà tkun tħalliet biex tintuża biss għal skopijiet ta’ karità.
Impenn għall-Futur
Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa importanti li l-insara jagħrfu l-bżonn tal-ġenerożità tagħhom fl-għotjiet li jsiru fil-knejjes. Dan għaliex il-parroċċi minnhom infushom għandhom ukoll bosta spejjeż oħra biex imantnu l-operat pastorali tagħhom u n-numru ta’ inizjattivi li jsiru fl-istess parroċċi.
Fost l-inizjattivi li ttieħdu fl-2012, hemm il-ftuħ ta’ Uffiċċju għall-Volontarjat biex jissaħħah il-valur tal-volontarjat fil-Knisja. Kull nisrani għandu jħoss li għandu missjoni x’jaqdi fil-ħidma tal-Knisja li jifforma parti minnha. Il-Knisja tirrikonoxxi dan is-sens ta’ missjoni li hemm fl-Insara tagħna; missjoni li joffru minn qalbhom, b’ħeġġa u impenn kostanti. Din il-ġenerożità ta’ mijiet ta’ persuni li tiġi offruta kontinwament fid-diversi entitajiet hija l-akbar riżors tal-Knisja. Tgħin biex jinżamm bilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ finanzjarju u aktar minn hekk, b’din il-ġenerożità tingħata xhieda mill-isbaħ tal-esperjenza u l-ħajja nisranija.
Mons. Charles Cordina
Segretarju PastoraliMons. Anton Portelli
Segretarju AmministrattivMr. Robert Agius
Kontrollur Finanzjarju -
-
Photos: Photocity, Valletta.