L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35). Din il-kelma  Ġesù jgħidha lill-għeżież tiegħu. Lid-dixxipli l-iżjed qrib tiegħu. Jgħidhielhom id-dar, meta waslu Kafarnahum. Kif tafu Ġesù trabba Nazaret,  imma meta kellu madwar 30 sena beda jgħallem u jipprietka u jfejjaq. Il-post fejn kien jgħix kien fuq il-baħar ta’ Tiberija jew din l-għadira kbira ta’ Ġeneżaret, f’post li jismu Kafarnahum. Hemmhekk kien jgħix. Allura meta kien irid jieqaf, id-dar il-ġdida tiegħu, kien imur f’dan il-post tas-sajjieda.

“X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq? Huma baqgħu siekta” (Mk 9:34). Is-skiet tagħhom jurik li bdew jifhmu li r-risposta vera kienet se tkun risposta vera, imma diffiċli. Għaliex? Għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. Min hu l-iżjed importanti. Min għandu dritt jieħu l-aħjar post. Illum m’għadhiex li jkollok ħafna xogħlijiet, imma nimmaġina li l-familja fejn ikun hemm ħafna wlied u jiġi il-ħin tal-ikel, kulħadd ikun irid joqgħod qrib il-borma. Jiena missieri kien wieħed minn 14. Ommi kienu 9. Imma dak kien żmien ieħor. Meta kien jagħmel sens li tfittex post qrib il-borma. Illum tħallashom biex jieklu. Mhux hekk it-tfal tal-lum, tgħiduli intom, jew in-neputijiet, min qed jipprova jgħin lil uliedu jrabbi l-ulied. Imma l-omm tgħallimna hi. Jiena nħobb niftakar fikom, il-ġenituri, fin-nanniet meta nkun nixtieq nifhem kelma ta’ Ġesù fuq il-qadi.

“Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35). Mhux hekk tagħmlu intom il-ġenituri u  n-nanniet? L-ewwel uliedek. Jekk għandek loqma ħobż u għandek it-tifel qed jitfarfar, l-ewwel tieħu ħsieb li jmantni ruħu hu. Jekk hemm xi ħadd jaf xi tfisser, tkun l-ewwel wieħed billi toqgħod wara kulħadd hija l-omm. Li taqleb lil kulħadd imbagħad il-platt tagħha jittella’ b’li jkun baqa’. Min jaf kemm kliem ta’ mħabba nisimgħu, li jkun qed jaħbi l-fatt li l-omm toqgħod lura wara kulħadd, għax il-qadi tagħha hu qadi mill-imħabba. Ġesù dan li jixtieq minna l-aħwa. U intom tifhmu dan il-kliem għaliex hu kliem qrib tagħkom, tal-ħajja tagħkom. Hu kliem qrib tal-bniedem tax-xogħol, li għandu aptit u m’għandux, jaqbad u jitlaq għal għonq it-triq għax il-paga fl-aħħar tax-xahar għandu bżonnha. Mur ġibu jgħid lill-mara li “ddeċidejt ma naħdimx. U issa nieklu bl-arja.” U  tgħidlu “mela nħallsu biċ-ċekċik tal-flus.” Ma jagħmilx hekk. Min jaf kemm-il darba l-ġenituri tagħna qagħdu lura biex jaraw lilna nimxu ’l quddiem? Mhux hekk għamiltu intom? U dik hi l-imħabba kbira li jbierek Ġesù. Dak hu s-servizz li jbierek Ġesù. Dan hi t-tip ta’ tmexxija li Ġesù jixtieq, mhux biss fil-knisja, imma li jawgura li  tkun anke fid-dinja.

Dik hi il-penitenza vera, li tbiddel il-mentalità tiegħek u tiftaħ qalbek għal min hu fil-bżonn, għax meta tilqgħu lil xulxin, tkunu qed tilqgħu wkoll lil Ġesù.

Tagħlima oħra li jagħtina l-Evanġelju tal-lum hi l-għożża taċ-ċkejknin. ‘U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili”’ (Mk 9:36). Imma tifel ċkejken hu sinjal ta’ kull min, fil-komunità, għandu bżonn kura u attenzjoni speċjali. L-istint tagħna jmexxina biex nipproteġu liż-żgħir. Imma hemm diversi livelli ta’ ċkunija. Persuna li għandha bżonn is-sapport tagħna għax  għaddejja minn mument diffiċli. Xi ħadd li fis-skiet qed iġorr il-mard mentali? Dan hemm bżonn li fis-soċjetà tagħna jieqaf milli jkun tabù. Ikollna l-kuraġġ u l-umiltà li nitkellmu dwaru u nfittxu li nitolbu għall-għajnuna kull meta ngħaddu minnu u jolqotna.

Ġesù jpoġġi lil min hu ċkejken, għalkemm juża lil tifel żgħir bħala sinjal għalina, lil min hu ċkejken, mhux fit-tarf imma fin-nofs. Qisu li fil-komunità tagħkom, intom u tiċċelebraw il-50 anniversarju mindu din il-komunità ġiet rikonoxxuta bħala parroċċa, li kull min għandu bżonn, b’mod speċjali spiritwali, għaliex il-qalb tiegħu maqsuma, il-qalb tiegħu mweġġgħa, iħossu milqugħ. Għax meta tilqgħu lil xulxin tkunu qed tilqgħu lil Ġesù. Waħda mill-affarijiet li  timpressjonani kull meta mmur Lourdes – u mort diversi drabi, għax għalija is-santwarju ta’ Lourdes ġewwa Franza, hu oasi ta’ paċi – hi li l-marid, u hemm  diversi kwalità ta’ mard, hu fin-nofs tal-komunità. Din hi, biex ngħidu hekk, li tagħmel lil Lourdes post partikolari, il-fatt li min hu marid mhux biss isib l-attrezzaturi neċessarji, imma ambjent ukoll li jilqgħu. Kull min għaddej minn xi tbatija, ġo  Lourdes iħossu fiċ-ċentru. Iħossu milqugħ, rispettat u kkurat. 

Intom imberkin b’dan it-titlu ta’ Sidtna Marija ta’ Lourdes; hawnhekk tridu tnisslu u tkabbru dak l-ispirtu. Kunu wkoll intom familja ta’ faraġ, ta’ paċi, ta’ talb, ta’ penitenza, li mhix xi ħaġa negattiva imma stedina biex nimmaturaw, li noħorġu mill-fosdqa tal-egoiżmu tagħna. Dik hi il-penitenza vera, li tbiddel il-mentalità tiegħek u tiftaħ qalbek għal min hu fil-bżonn, għax meta tilqgħu lil xulxin, tkunu qed tilqgħu wkoll lil Ġesù, u meta tilqgħu lil Ġesù, iben Marija, intom tilqgħu ukoll lill-Mulej, il-Missier li bagħtu.

Bin il-bniedem Ġesù kien ċar dwar iċ-ċaħda tiegħu, it-tbatija tiegħu, il-mewt tiegħu. Imma kien ċar ukoll dwar il-qawmien tiegħu mill-imwiet. Kważi aħna wkoll ma nifhmuhx dan il-kliem, nibżgħu nistaqsu lil Ġesù: imma eżattament x’jiġri wara l-mewt, x’ser jiġrilna. Għax intom tistgħu tirrepetu miegħi “Sinjur meta trid imma m’iniex mgħaġġel.”  Jien hekk ngħidlu: “meta trid imma m’iniex mgħaġġel.” Imma xorta ngħid lili nnifsi, imma wara dan l-istat, wara dak il-bieb li hu l-mewt, x’hemm lest għalija?  Allura hu l-mument ukoll tal-fiduċja. Aħna kultant, nibdew nibżgħu nistaqsuh għax nibżgħu mir-risposta jew għax għandna d-dubju jekk il-kliem tiegħu jagħmilx sens. Imma aħna  llum qegħdin hawnhekk miġburin bħala komunità li qiegħda tiċċelebra il-mewt ta’ Ġesù, hu  li ta ħajtu għalina, u l-qawmien tiegħu mill-imwiet li bih kull min kien irid jeqirdu ħa r-risposta tal-Mulej li hi risposta ta’ ħniena. Risposta ta’ mħabba. Risposta tar-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, tal-grazzja fuq id-dnub. Ejjew allura nilqgħu il-kmand tal-Mulej u nagħtu ħajjitna lil xulxin fl-imħabba. “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 2:12,17-20
Salm: 53 (54):3-4,5,6,8
Qari II: Ġak 3:16 – 4:3
L-Evanġelju: Mk 9:30-37

Aktar ritratti