• Direttur: Gregory Plotkin

    Atturi: Chris J. Murray, Brit Shaw, Ivy George,  Jessica Brown

    Ħin: 88 minuti

    Klassifika tal-Gvern: 15

    Klassifika tal-Knisja: 15

    Dan l-aħħar film fis-serja ‘Paranormal Activity’ jirritorna fid-dar oriġinali li fiha kien jidher il-ħares magħruf bħala Toby; aktar preċiż, jirritorna fil-post fejn kien jidher dak il-ħares għax id-dar f’Santa Rosa, California, li fiha Katie u Kristi kienu ġew indottrinati f’kult misterjuż kienet inħarqet meta kienu għadhom tfal. Il-propjetarji ġodda tad-dar li regħġet inbniet huma Ryan u Emily, koppja miżżewġa u binthom żgħira, Leila. Hekk kif joqrob il-Milied, Leila tħossha ferħana meta jasal iz-ziju Mike biex iqatta’ l-festi magħhom. Waqt li jkunu qedin iżejjnu d-dar b’dekorazzjonijiet li ħarġu mill-istore, Mike isib camera tas-snin 80 u kaxxa films. Ryan iħaddem il-camera u jiskopri li l-lenti sofistikati tagħha juru xi tip ta’ enerġija misterjuża li teżisti fid-dar u li l-camera biss tista’ tarha. Ryan u Mike jibdew jaraw dawk il-films li jkunu fil-kaxxa u fihom jiskopru xeni fejn in-nanna ta’ Kristi u Katie, Lois, u raġel stranġier ikunu qed jittrenjaw lit-tfal jikkumunikaw ma’ l-ispirti. Hekk kif l-effetti ta’ l-enerġija misterjuża jitqawwew fid-dar u Leila tibda titkellem ma’ xi ħabib inviżibbli, Ryan jibda jissusspetta li l-istess ħares ħażin li għamel għal wara Katie u Kristi jista’ jkun qed jagħmel għal wara binthu wkoll.

    Film tal-biża’, fi 3D, is-sitta u l-aħħar wieħed fis-serje ‘Paranormal Activity’. Bħall- films l-oħra ta’ qabel, dan il-film huwa bbażat fuq ‘found footage’, l-iskoperta ta’ films qodma, u jagħmel ħafna użu minn camera fuq l-idejn u minn tisbit u għajjat li jaħsdek. Mhuwiex film ta’ l-istess livel ta’ l-ewwel films f’din is-serje. Fih kliem ħażin u xeni tal-biża’. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.