Claire Grech, photo [email protected]

Tifla li tilfet lil ommha minħabba marda terminali stqarret li l-kura palljattiva li ngħatat kienet estendiet il-ħajja tagħha b’erba’ xhur.

Waqt li kienet qed titkellem fil-programm “Live mill-Paroċċa”, Claire Grech, li tilfet lil ommha f’April li għadda, qalet li mill-kura palljattiva jibbenefikaw mhux biss il-pazjenti, iżda wkoll il-qraba tagħhom.

“Lil mummy kienu tawha sa Diċembru. Bil-kura li ngħatat, għexet sa’ April. Hawn min jgħidlek ‘erba’ xhur x’inhuma?’ Imma huma ħafna,” stqarret Grech.

“Bil-kura palljattiva, fil-ħin tal-mewt ma kien hemm l-ebda drama. Bl-għajnuna tal-Hospice konna preparati. Dawk il-ġranet ħallew ħafna serenità — dak li stajna għamilnieh mal-mama’. Il-mummy kienet komda,” qalet Grech.

“Il-kura palljattiva ma setgħetx kienet aħjar minn kull aspett. L-aħjar mhux il-mewt — iva, iebsa ħafna — imma l-agħar mumenti kienu l-ansjetà qabel irċevejna l-aħbar,” kompliet tgħid Grech.

“Hemm ħafna punti pożittivi, għax ilħaqna closure. Illum hawn mezzi biex il-pazjent jasal sal-aħħar mingħajr uġigħ,” temmet tgħid Grech.

Fejn il-kura ma tibqax possibbli, tibqa’ l-għożża
Josette Zerafa, photo [email protected]

Min-naħa tagħha, Josette Zerafa, infermiera li taħdem ma’ Hospice, qalet: “Fejn il-kura ma tibqax possibbli, tibqa’ l-għożża. When cure is not possible, care remains.”

Hija spjegat li fil-qasam tal-kura palljattiva “l-iktar ħaġa importanti hi li l-bniedem iżomm id-dinjità tiegħu, u kemm jista’ jkun, ineħħu l-iskumdità”.

“Fil-mument li pazjent jingħata l-aħbar li għandu marda terminali, ngħinuh minn erba’ dimensjonijiet: dik fiżika, emozzjonali, spiritwali u soċjali,” qalet Zerafa.

Hija żiedet li n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-kura palljattiva jwassal għal ċertu biża’. “Il-pazjenti jridu jgħixu l-mument, ma jitilfu xejn fejn hu possibbli, u meta jħarsu lura jgħidu li għexu ħajjithom sal-aħħar,” qalet l-infermiera.

Hija stqarret ukoll li hemm familjari li jibqgħu jirċievu s-servizzi tal-Hospice sa sena wara l-mewt tal-qraba tagħhom.

Source: Newsbook.com.mt