-
***
Direttur: Julius Avery
Atturi: Jovan Adepo, Wyatt Russell, Mathilde Ollivier, John Magaro, Gianny Taufer, Pilou Asbaek u Bokeem Woodbine
Ħin tal-Film: 109 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 18
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Lejlet id-D-Day, skwadra ta’ paratruppi tintbagħat fi Franża biex teqred torri mgħammar b’radju transmiter Ġermaniż fuq kampnar ta’ knisja qadima f’raħal ċkejken. L-ajruplan li kienu fih intlaqat b’riżultat li mill-iskwadra kollha, ħamsa biss salvaw: Il-Korporal Ford u s-suldati Boyce,Tibbet, Chase u Dawson li jmut meta jirfes majn splussiva. Dawn l-erba’ paratruppi komplew fi triqthom qalb masġar biex jaslu għal għan li għalih intbagħtu. Meta jiltaqgħu ma’ Chloe, mara Franċiża, jiftehmu magħha biex teħodhom fir-raħal fejn kien jinsab it-torri li minnu l-Ġermaniżi kienu jittrasmettu informazzjoni mportanti lit-truppi tagħhom kif dawn kienu qegħdin jistennew minn mument għal ieħor l-invażjoni tal-allejati. Is-suldati jsiru jafu li Chloe kienet tgħix ma’ ħuha Paul ta’ tmien snin u żijithom li kienet ġiet sfigurata minn Nażisti fl-esperimenti li kienu qegħdin jagħmlu. Wara li Tibbet u Chase jitilqu biex isiru jafu aktar il-post, it-tlieta l-oħra qagħdu mistoħbija fl-attiku tad-dar ta’ Chloe. Kollox kien jidher sejjer sew sakemm Chloe kellha żjara minn ronda Nażista taħt il-kmandant tal-SS Haupsturmfuhrer Wafner. Dan ġie mhux biex jagħmel spezzjoni iżda biex jistupra lil Chloe. Is-suldati li kienu qegħdin jaraw kollox minn fejn kienu, għaddew għall-azzjoni. Boyce attakkah b’riżultat li wara ġlieda ħarxa, Wafner spiċċa pruġunier. Wara dan l-inċident, Boyce jagħmel attentat biex jasal sal-post fejn kien hemm it-torri. Hawn jintebaħ li n-Nażisti kienu qegħdin jaħarqu r-residenti li kienu ġew sfigurati fl-esperimenti li kienu qegħdin isiru ġewwa l-bażi. Biex jeħles minn kelb tal-għassa, Boyce rrnexxielu jitla’ fuq truck li fuqu kien hemm xi iġsma ta’ paratruppi li kienu mietu. Meta Boyce jidhol ġewwa l-bażi, isir jaf x’esperimenti kienu qegħdin jitwettqu f’laboratorju fuq bnedmin. In-Nażisti sabu mod kif permezz ta’ serum injettat f’dawn il-bnedmin ikunu jistgħu jinbidlu fi bnedmin invinċibbli. Boyce jeħles lil Rosenfeld, suldat li kien salva iżda li nqabad minn-Nażisti. Flimkien jaħarbu minn hemm wara li ħadu kampjun tas-serum. Lura fid-dar ta’ Chloe, għalkemm Wafner kien ġie ttorturat, irrifjuta li jispjega x’effett iħalli s-serum fil-bniedem. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan ta’ żmien l-aħħar gwerra dinjija, hu taħt id-direzzjoni ta’ Julius Avery u b’ kitba ta’ Billy Ray u Mark L. Smith. Minħabba l-ħruxija estrema li fih, torturi, biża’ kbir, attentat ta’ stupru kif ukoll immaġni orribbli u kliem goff tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.