L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Naħseb li diversi minna nistgħu nifhmu x’inhu preġudizzju. Jew għax aħna stess konna preġudikati fuq xi ħadd, jew għax konna vittma ta’ preġudizzju. Preġudizzju tfisser li ddaħħal xi ħaġa f’moħħok fuq xi ħadd, għalhekk preġudizzju, tiġġudikah qabel, u jagħmel x’jagħmel – jista’ jagħmel l-ilma jiżfen quddiemek – tibqa’ b’dak l-istess ħsieb fuqu.
Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù vittma tal-preġudizzji tal-Fariżej u l-kapijiet ta’ dak iż-żmien. Ma kinux il-Fariżej kollha, imma kienu dawk li kellhom l-awtorità reliġjuża. Tant kienu preġudikati fuqu li ma riedu jisimgħu lil ħadd. In-nies, meta semgħu lil Ġesù, kien hemm fosthom min qal “dan hu l-profeta”, kien hemm min qal “dan hu l-Messija”, imma huma xejn minn dan. Meta l-għases, li ntbagħtu biex jarrestaw lil Ġesù, ġew lura u qalulhom: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu dan il-bniedem”, lanqas lil dawk ma riedu jisimgħu.
Meta Nikodemu, wieħed minnhom, qalilhom li mhux dak il-mod kif għandhom jimxu, lanqas lilu ma riedu jisimgħu, tant kienu preġudikati kontra Ġesù. Għalihom in-nies, bħalma qalu, kienu “qabda nies misħuta”, “imqarrqa”. Huma biss tajbin, il-bqija kulħadd żbaljat.
Hu Nikodemu li jfiehem kif tegħleb dan il-preġudizzju, kieku semgħuh bis-serjetà. Għax Nikodemu jgħidilhom li inti ma tistax tikkundanna lil xi ħadd qabel tisimgħu b’qalb miftuħa u b’moħħ miftuħ.
Ninnutaw kif fl-Evanġelju min jisma’ verament lil Ġesù jibda jagħmel id-domanda fuqu, anke jekk ma jkunx ċar min hu. Jibda jifhem xi ħaġa, bħan-nies u bħall-għases. L-iktar bniedem li fehem hu Nikodemu, għax dan kien mar għandu qabel – kif naraw iktar kmieni fl-Evanġelju ta’ San Ġwann – u qagħad jisimgħu. Kien fi djalogu miegħu, jistaqsih u jisimgħu. L-iktar bniedem li seta’ jifhem min hu Ġesù u japprezza min hu Ġesù kien dak li semgħu f’dan il-kuntatt personali, f’din ir-relazzjoni personali miegħu.
Dan hu żmien partikulari li qegħdin fih, li għandna nieħdu ħafna bis-serjetà t-talb …
Għalhekk dak li tgħidilna l-Kelma ta’ Alla llum hu biex aħna nkunu nies li tassew nisimgħu lil Ġesù mingħajr preġudizzju imma b’qalb miftuħa, b’moħħ miftuħ. Nisimgħuh fir-relazzjoni personali miegħu fit-talb u fil-Kelma. Dan hu żmien partikulari li qegħdin fih, li għandna nieħdu ħafna bis-serjetà t-talb – din ir-relazzjoni ma’ Ġesù – li tgħinna niskopru aktar lilu u lilna nfusna, aħna u nisimgħu lilu.
Imbagħad, ukoll, anke ma’ xulxin. Inkunu nies li nisimgħu lil xulxin b’moħħ miftuħ u qalb sinċiera, ħalli ma’ xulxin ma jkollniex dak l-ostaklu tal-preġudizzju. Il-preġudizzju jimblokka. Imma meta nisimgħu tassew lil xulxin, kif għallimna Ġesù, hemmhekk nistgħu negħlbu wkoll il-preġudizzji li ħafna drabi jkollna f’ħajjitna.
Nitolbu lill-Mulej jgħinna negħlbu l-preġudizzji, speċjalment biex aħna nisimgħu lilu u nisimgħu wkoll tassew lil xulxin.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju