
Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Meta naqraw ir-rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann, tolqotna kif hu jagħti xejra speċjali għal dan ir-rakkont. F’San Ġwann, ma narawx, daqs ir-rakkonti fl-Evanġelisti l-oħra, l-enfasi fuq it-tbatija ta’ Ġesù – anke jekk juri li Ġesù bata u għadda mill-Passjoni u spiċċa msallab. Imma San Ġwann jenfasizza li hu diġà rebbieħ waqt il-Passjoni, li s-salib mhux għabbewh bih imma laqgħu biex jifdi lill-umanità, li hu s-sultan li jsalva permezz tas-salib.
Fil-fatt, sa mill-bidu tar-rakkont, naraw lil Ġesù li, meta l-għases ġew għalih, huwa hu li jmur fuqhom u jistaqsihom: “Lil min qegħdin tfittxu?” (Ġw 18:4). U meta jgħidulu: “Lil Ġesù ta’ Nażaret”, hu jwieġeb “Jiena hu” (Ġw 18:5) – li fl-Iskrittura hi l-espressjoni li biha Alla jirrivela lilu nnifsu – u l-għases jersqu lura u jaqgħu mal-art ma’ din it-tweġiba tiegħu.
Kull darba li Ġesù jitkellem u jwieġeb fil-Passjoni, hu jwieġeb b’mod ċar, jgħid dak li għandu jgħid, u mhux denbu taħt il-blat. Jitkellem b’awtorità anke meta qed jiġi interrogat, anke tul il-Passjoni. Juri li hu sultan. Fil-fatt, lil Pilatu jgħidlu ċar u tond, meta staqsieh jekk hux sultan: “Inti qiegħed tgħidu; jien sultan” (Ġw 18:37). U meta Pilatu staqsa lil Ġesù “U l-verità x’inhi?” (Ġw 18:38), ironikament kien Pilatu mbagħad li wera tassew din il-verità – bla ma kien konxju – meta għamel l-iskrizzjoni fuq is-salib b’diversi lingwi biex tkun aħbar li tasal għand ħafna: “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19).
Ġesù, fuq is-salib, jgħid “Kollox hu mitmum!” (Ġw 19:30) – li ma tfissirx “spiċċa kollox” imma tfisser li permezz tal-Passjoni u l-Mewt tiegħu, qed iseħħu l-wegħdiet u l-profeziji. Għalhekk f’San Ġwann naraw lil Ġesù rebbieħ permezz tas-salib, Ġesù li jifdi l-umanità.
Aħna llum nitfgħu ħarsitna fuq “l-għuda tas-salib li fuqha ġie msallab is-Salvatur tad-dinja”. Aħna u naduraw lil Ġesù msallab ftit ieħor f’din iċ-ċelebrazzjoni, ejjew nagħrfu fih is-Salvatur tagħna, il-Mulej rebbieħ, li lilna jifidina.
Ir-rakkont tal-Passjoni jurina konċentrazzjoni ta’ ħażen. Jekk inħarsu lejn Ġesù quddiem Pilatu, naraw lil Pilatu aktar minn darba jistqarr “Jien ma nsib ebda ħtija fih” (Ġw 18:39; 19:6), u safrattant fl-aħħar jagħtih lin-nies biex isallbuh. Hemm fil-Passjoni t-tradiment, iċ-ċaħda, l-abbandun, il-vjolenza, l-insulti, il-qtil. Imma Ġesù ħa fuqu dan il-ħażen u ttrasformah bl-imħabba, bl-imħabba fil-milja tagħha. Fil-Passjoni hemm l-agħar ħażen ta’ diversi nies, u fl-istess waqt hemm l-akbar ġid li joħroġ mill-imħabba bla tarf ta’ Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej li jkun għalina s-Salvatur, li jittrasforma dak kollu li hu ħażin f’ħajjitna, u bil-qawwa tiegħu jgħinna ħalli aħna nkunu wkoll dawk li nirbħu l-ħażin bit-tajjeb.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




