L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għalina hija dejjem kelma iebsa li nisimgħu lil Ġesù jitkellem dwar il-firda, anzi jgħid: “Jiena ġejt inġib il-firda,” (ara Lq 12:51) meta aħna nafu u nsellmulu bħala l-prinċep tas-sliem, il-prinċep tal-paċi. Jgħidilna: “Jiena ġejt inġib il-paċi fid-dinja”; it-tislima tiegħu li jirrepeti l-Isqof f’kull quddiesa li jqaddes hija ‘l-paċi magħkom’. Għal liema firda qiegħed jgħid?
L-Evanġelju ta’ San Luqa, kif nafu, kien miktub fi żmien il-persekuzzjoni u ħafna familji ġarrbu t-traġedja tal-firda minħabba l-persekuzzjonijiet. L-ewwel liġijiet kontra l-Insara pereżempju kienu jgħidu li jekk inti takkuża ’l xi ħadd li hu Nisrani għandek dritt tirċievi parti mill-ġid tiegħu. Kienet liġi kattiva biex iġġiegħlek takkuża lil min hu Nisrani. Din il-logħba kienet tintlagħab ukoll b’kattiverja kbira fil-familji biex l-aħwa jirtu lil missierhom u ’l ommhom qabel iż-żmien, jakkużawhom jekk huma Nsara talli kienu Nsara, u hekk ukoll il-ġenituri kontra t-tfal.
U din il-firda tibqa’ magħna sal-lum għaliex il-firda hija bejn is-sewwa u l-ħażen, id-dlam u d-dawl. Din hija l-firda li ġab Ġesù; mhux qed japprova la l-kattiverja, la l-vjolenza, la r-rebgħa imma qed jaċċetta l-fatt li biex tkun leali lejh trid tagħżel, u kultant l-għażliet huma diffiċli ħafna. Bħalma kellha tagħmel Sant’Ursola u sħabha. Ma kellhomx ġenituri dawn il-martri? Ma kellhomx aħwa? Imma għażlu lil Ġesù.
Għandna diversi martri li nfirdu mill-familji tagħhom biex jagħżlu lil Ġesù. Anzi biex infakkru qaddisa oħra, għaliex l-istorja tagħha hija traġika ħafna, aħna fil-bidu ta’ Diċembru, fit-2 ta’ Diċembru nfakkru ’l Santa Barbara. Santa Barbara kienet maqtula minn missierha stess għax kienet Nisranija. Imbagħad l-istorja tgħid li kif qatilha laqtitu sajjetta u miet hu wkoll. Għalhekk Santa Barbara hija wkoll tħarisna kontra s-sajjetti. Dawn l-istejjer tal-ewwel sekli juruna t-tip ta’ firda traġika li l-lealtà ta’ Ġesù ġabet f’ħafna sitwazzjonijiet familjari.
“Nar ġejt inqiegħed fuq l-art u kemm nixtieq li ġa qabad,” (Lq 12:49). Ovvjament mhux qed jgħid in-nar li jeqred is-siġar għax dak għandna biżejjed minħabba l-kambjament tal-klima. Ġesù qed jitkellem fuq in-nar tal-imħabba tiegħu, in-nar tal-Ispirtu s-Santu. Imma biex jitqabbad u jitħeġġeġ dak in-nar, Ġesù kellu jgħaddi minn magħmudija terribbli: “Hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ,” (Lq 12:50). U x’inhi din il-magħudija? Il-magħmudija li hija full immersion, l-immersjoni sħiħa, hija l-magħmudija tat-tbatija, huwa l-misteru tas-salib. Il-ħeġġa ta’ mħabba, li huwa d-don tal-Ispirtu s-Santu, ħierġa propju mill-passjoni, il-mewt, it-tbatija ħarxa ta’ Ġesù. Din il-magħmudija, din il-full immersion li kellu jgħaddi minnha u li kellha tqabbad dan in-nar ta’ mħabba. Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna nitħeġġu b’dan in-nar għaliex huwa nar prezzjuż li ħiereġ mill-kustat ta’ Ġesù, mit-tbatija tiegħu.
Bħalissa f’Salamanca, fil-katidral ta’ Salamanca ġewwa Spanja hemm esibizzjoni li mbagħad se ddur diversi bliet fl-Ewropa, ispirata minn dak li nafu dwar il-passjoni ta’ Ġesù skont il-liżar ta’ Turin. Huwa l-ewwel darba li x-xjenzjati rnexxielhom jagħmlu statwa ta’ materjal modern li tikkorrispondi f’kull dettall mal-informazzjoni li joħroġ mil-liżar ta’ Kristu. Min jista’ jmur Salamanca, jew inkella ’l quddiem se tkun il-Portugall. Se tkun ukoll Ruma għall-ġublew fit-2025. Kemm huwa tajjeb li aħna nimmeditaw fuq il-passjoni ta’ Ġesù u nifhmu li dak li jitlob minna għadda minnu hu. Ġesù qatt ma jitolbok xi ħaġa li ma jkunx għadda minnha hu biex mhux biss jurina t-triq, imma lilna jagħmlilna kuraġġ.
Issa aħna ħafna drabi ngħidu: imma jiena ma jirnexxilix, tant dgħajjef, midneb. Dak il-mument hemm bżonn nitfarrġu bil-qawwa li jagħti l-Mulej. Fil-prefazju li llum se nitolbu, il-prefazju tal-martri, il-Knisja hekk titlob: il-Mulej fil-martri u anke fina jagħżel li jgħarraf il-qawwa tiegħu sewwasew fejn hemm id-dgħajjef. Sewwasew fejn hemm id-dgħajjef! Id-dgħufija tagħna m’għandhiex tfixkilna, imma għandha tkun lezzjoni kontinwa biex ngħidulu: Sinjur Alla, mingħajrek ma jirnexxilix. Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok. Sinjur Alla, għinni fin-nuqqas ta’ ħila tiegħi.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Efes 3:14-21
Salm: 32 (33):1-2,4-5,11-12,18-19
L-Evanġelju: Lq 12:49-53