L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu” (Rum 5:17).
Din il-kelma li għadna kemm smajna mill-Appostlu Missierna San Pawl lir-Rumani, tiddikjara bla tlaqliq li l-esperjenza ta’ Ġesù , għalina li nemmnu u li nħobbuh minkejja d-dgħufija tagħna, hija esperjenza ta’ grazzja. Imma x’inhi din l-grazzja? Hija mħabba li aħna nirċievu mingħand Alla, mhux għall-merti tagħna, imma għaliex hu mħabba. Il-grazzja hija mħabba b’xejn, li ma tfittix lanqas li tirċievi xi ħaġa lura. Hija grazzja qawwija, li kapaċi tittrasformak. Min jersaq lejn din il-grazzja ħajtu timtela’ bil-ferħ u jekk ikun għaddej minn wied id-dlam, f’qalbu titla’ kewkba li tmexxih, li tfarrġu, li tkun għalih u għalina ta’ dawl. Aħna llum qed niċċelebraw solennità kbira kif jixraq, bil-festa ta’ Marija ta’ Nazaret, taħt it-titlu ta’ Sidna Marija Omm il-Grazzja.
L-ewwel nett hija omm il-grazzja għax hija omm Ġesù. Għax aħna ltqajna mal-grazzja t’Alla f’binha,li huwa l-imħabba ta’ Alla magħmul bniedem. Hija omm il-grazzja għax il-Mulej għażilha biex tkun l-omm ta’ ibnu: “ L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek”(Lq1:35) “Inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.” (Lq 1:31) Jgħidilha biex ma tibżax lil din ix-xebba rżina ta’ Nażaret: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30). Ejjew nieqfu ftit fuq dan il-kliem tal-anġlu lil Marija ta’ Nazaret, lil omm il-grazzja. It-tislima tal-anġlu tuża l-kelma “grazzja” darbtejn. “Ifraħ mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28) – Ave Gratia Plena (sliem mimlija bil-grazzja). U jerġa’ jgħidilha: “Tibżax, […] inti sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30), Marija sabet din l-grazzja, sa mit-tnissil tagħha. Alla ried li fin-tgħanniqa tal-imħabba ta’ ommha u missierha, Anna u Ġwakkin, l-Ispirtu qaddis tal-Mulej jintervjeni biex din it-tarbija titnissel mingħajr ebda tebgħa tad-dnub: “kollha sabiħa, kollha safja, sibt grazzja quddiem Alla.
Imma t-tislima li donna tagħti isem ġdid lil Madonna, “mimlija bil-grazzja,” (Lq 1:28) tgħidilna li din il-grazzja, hija inizjattiva totali ta’ Alla l-ħallieq, li nqeda, b’tant katini ta’ evoluzzjoni, bis-sehem tal-bnedmin fil-ħolqien tiegħu, li hija avventura li tkompli. Imma fil-każ ta’ Marija, fil-ħolqien tagħha, għax hi ħliqa, intervjena biex din it-tfajla umli minn raħal ċkejken, tal-Galilija, Nazaret, tkun ħielsa totalment minn kull kompromess, minn kull girfa mal-ħażen. Għaliex? Għaliex xtaqha totalment libera, totalment sabiħa, totalment nadifa, hi kellha tkun l-għamara qaddisa, li fiha Ibnu, Iben Alla l-ħaj, il-grazzja ta’ Alla magħmula bniedem, jikber fil-ġuf u minnha jitwieled. “mimlija bil-grazzja,” (Lq 1:28) Inti sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30).
Meta aħna nqimuha bħala omm tal-grazzja, ma nistgħux ma niftakrux fit-tarbija li tippreżenta fi ħdanha. Fl-istatwa ħelwa ta’ Marjanu Gerada, kif ukoll, fil-kwadru titulari ta’ Alessio Erardi, Sidtna Marija tpoġġi jdejha fuq sidirha, u dan il-ġest ifakkarni fl-għajta ta’ dik il-mara, li Ġesù tgħidlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11:27-28).
U fix-xena straordinarja tal-Evanġejlu tal-lum, il-vanġelu tal-annunzjazzjoni, li fiha tiġi mħabbra l-grazzja lil Marija, jiġi rikonoxxut dak kollu li għamel il-Mulej ma’ din it-tfajla rżina. Aħna għandna mhux biss il-barka ta’ dan il-ġisem safi li jsir it-tabernaklu t’Alla l-ħaj, l-arka tal-patt il-ġdid, imma wkoll l-omm li tisma’ u tiddikjara lilha nnifisha: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). Li inti tkun devot ta’ Sidtna Marija taħt it-titlu ta’ omm tal-grazzja, hija li tisma’ l-leħen tagħha, li lill-Mulej jgħidlu, “tkun magħmula r-rieda tiegħek, jiena il-qaddejja tiegħek “ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38).
Li tismagħha wkoll tgħidlek bħalma qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Hi kienet dik li xprunat, inkoraġġiet lil binha, biex fit-tieġ ta’ Kana, f’dik il-festa ta’ mħabba, jagħti l-ewwel sinjal tal-glorja tiegħu. “ ‘Ma għandhomx inbid.” U Ġesù qalilha: ‘X’hemm bejni u bejnek, mara?’” (Ġw 2:3-4). Il-ħarsa tagħha kienet biżżejjed. “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5), U hi li tħares lejh u tħares lejn il-qaddejja, hija l-omm li lill-għarajjes ta’ Kana tagħtihom il-grazzja tal-inbid, twajjeb, ħelu u ġdid; u lil binha tagħtih l-opportunità juri l-glorja tiegħu lid-dixxipli tiegħu. Imma ma’ binha ma kinitx biss fil-festa tat-tieġ. Kienet ukoll taħt is-salib, tilqa’ l-kliem għeżież tiegħu. “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27). F’dak il-ħin, il-Madonna bdiet maternità ġdida. Ma baqgħetx biss l-omm tas-Salvatur, imma bir-rieda u l-kmand tiegħu, saret l-omm ta’ dawk kollha li hu salva bit-tixrid ta’ demmu.
San Bernard f’qari li aħna naqraw fil-liturġija tas-sigħat fl-Avvent, jgħid li Ġesù kien donnu xkora kbira ta’ grazzja, ta’ ħlewwa, ta’ mħabba, li fil-misteru tas-salib ġiet miftuħa b’mod vjolenti biex il-grazzja, il-ħlewwa, u l-maħfra jiġu imferrxa fuq kull wieħed u waħda minna, fuq id-dinja kollha. Marija kienet hemm, tilqa’, it-taqtir tad-demm ta’ Binha, l-għajn tal-ilma safi li ħarġu minn qalbu minfuda. U saret ukoll il-medjatriċi tal-ħniena tiegħu, għall-imħabba tiegħu, tal-grazzja tiegħu, taħt is-salib. Għax il-grazzja li aħna qegħdin niċċelebraw, mhijiex grazzja rħisa. Aħna ġejna meħlusa bi prezz għażiż u għoli: Id-demm għażiż ta’ Sidna Ġesù Kristu.
F’dan il-jum tal-14 ta’ Settembru, meta mal-Knisja aħna wkoll infakkru l-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, ejjew ningħaqdu ma’ Marija ħdejn is-salib ta’ binha, u magħha nilqgħu l-grazzja tal-maħfra, l-għajta tal-imħabba, tal-abbandun lejn ir-rieda t’Alla, imma wkoll it-telqa serena f’idejn l-imħabba tal-Missier. Din hija sinteżi tal-Kelma għażiża ta’ Ġesù, li Marija kienet xhud tagħha. Bħalma kienet xhud ta’ dik il-kelma għażiża li Ġesù qal lill-ħalliel imsallab ħdejh: “illum tkun fil-ġenna miegħi” (Lq 23:43). Aħna nitolbuha lil Marija, waqt li nsellmulha “mimlija bil-grazzja,” (Lq 1:28) biex titlob għalina issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Anki ma’ binha Ġesù , kienet issegwieh, tinkwieta għalih, u kienet ukoll miegħu fis-siegħa tal-mewt tiegħu.
Darba minnhom waslitilha, kelma li inkwetatha, qalulha: dak ibnek li telaq minn Nazaret u mar Kafarnahum, qed jitlef moħħu! U hi marret mal-qraba tagħha, biex tiġbru, marret tfittxu Kafarnahum, biex issibu. Wara kollox binha kien! Sabet lil Ġesù , hemm imdawwar mal-folol jippriedka u jfejjaq. “Xi ħadd qallu: ‘Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk.’ Iżda hu weġibhom: ‘Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu’” (Lq 8:20-21). L-Omm fehmet il-kelma ta’ binha. “Ma tinsiex, inti lil Missieri, permezz tal-anġlu li bagħatlek, għidtlu, ‘jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!’ (Lq 1:38). Jien qed nagħmel ir-rieda ta’ Missieri. Inti parti mill-missjoni tiegħi.”
Marija marret lura Nazaret, qalbha ħafifa għax binha ma ġġenninx imma mħeġġeġ bl-imħabba. Qalbha mtaqqla’ għax bdiet tara d-dell tas-salib riesaq lejn binha. Imma hi li kienet xhud ta’ dak il-mod vjolenti kif il-qalb ta’ binha nfetħet għal kull wieħed u waħda minnha, kienet ukoll xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ferħet l-Omm ta’ kull grazzja meta rrealizzat li binha, li dnubietna qatluh, il-maħfra tal-Mulej reġġagħtu lura għall-ħajja.
Ħadd ma jagħti milli m’għandux. Imma jekk trid tfittex il-grazzja ersaq lejn dik li l-Mulej sejjaħ “mimlija bil-grazzja,” (Lq 1:28). Af, li inti forsi f’diffikultajiet taħseb li tlift il-grazzja t’Alla. Ersaq lejn dik li l-Mulej jgħidilha, “tibżax għax inti sibt grazzja quddiem Alla”(Lq 1:30). Ippermettuli nissellef il-kliem sabiħ ta’ San Bernard fit-tieni omelija, minn serje li jagħmel ta’ omeliji ta’ tifħir lil Marija. U kien affaxxinat bl-għażla ta’ Anna u Ġwakkin, li lit-tifla tagħhom isemmuha Marija. M’ilux iltqajt ma’ ikona orjentali Griega, li tfakkar lin-nanna tal-Madonna. Omm Sant’Anna, li tiġi n-nanna tal-Madonna kien jisimha Marija – u li x’aktarx it-tifla semmewha għaliha. Imma l-isem, xi jfisser? Fl-Ebrajk ifisser “qatra mill-oċean” – qatra mill-baħar, qatra ċkejkna f’oċean kbir. Marija wkoll hija qatra ta’ grazzja, fl-oċean kbir tal-grazzja u l-imħabba ta’ Alla. Bi żball, kopista, flok l-istilla maris (qtar tal-baħar) kiteb stella maris (kewkba tal-baħar); aħna l-Kattoliċi għal sekli sħaħ, inqimu l-isem ta’ Marija b’dawn iż-żewġ sinifikati: “Int il-qatra ta’ grazzja fl-oċean ta’ grazzja tal-imħabba ta’ Alla. Imma inti wkoll kewkba tal-baħar.” San Bernard għandu meditazzjoni sabiħa fuq Marija, u l-isem tagħha:
“Ejjew ngħidu kelmtejn dwar dan l-isem li jfisser kewkba tal-baħar.
Isem li tant jixraq lill-Verġni Omm.
Il-kewkba tiddi mingħajr ma tagħmel ħsara lilha nnfisha,
bl-istess mod il-verġni ġabet fid-dinja iben
mingħajr ma għamlet ħsara lilha nnfisha.
Ir-raġġ ma jnaqqas xejn mid-dija tal-kewkba
bħalma l-Iben ma jnaqqas xejn mis-sbuħija ta’ Ommu.
Hija tabilħaqq il-kewkba nobbli ħierġa minn Ġakobb
Li d-dija tagħha ddawwal id-dinja.
Hija dik li d-dija tagħha tiżleġ fuq din l-art
u tinfed sa qiegħ l-infern.
Iddawwal id-dinja, issaħħan qlubna ħafna iktar minn ġisimna,
trawwem il-virtù u tikwi l-vizzju.
Ngħidilkom jiena hija dik il-kewkba ħienja tagħna
li ġiet sospiża bħal bi ħtieġa fuq dan il-baħar bla tarf.
Tiddi bil-mertu u bl-eżempju.
U inti, inti min inti, li fil-mewġ qalil ta’ din id-dinja
tħossok aktar qrib li tkun imqalleb fil-ħalel u fl-irwiefen
milli sod fuq din l-art niexfa?
Jekk ma tridx tkun megħlub fit-tempesta,
twarrabx għajnejk minn fuq din il-kewkba.
Meta r-riħ tat-tentazzjoni jonfoħ ġo fik,
meta tinkalja fuq il-blat tat-tribulazzjoni,
ħares lejn din il-kewkba u għajjat lil Marija.
Jekk int imħabbat fil-ħalel tal-kburija jew tal-ambizzjoni
jew tal-malafama jew tal-għira, ħares lejn din il-kewkba u għajjat lil Marija.
Meta l-qilla tar-regħba, jew il-ġibdiet tal-ġisem
qed jaħbtu bla ħniena ruħek, sammar ħarstek fuq Marija.
Meta l-kobor bla qies ta’ dnubietek jagħfsu fuqek
bit-toqol tagħhom u tħossok imħawwad għax il-kuxjenza tiegħek tbeżżgħek.
Meta l-ħsieb terribbli tal-ġudizzju jallarmak,
u tibda togħdos fid-dagħbien ta’ dwejjaq u d-disperazzjoni, aħseb f’Marija.
Fil-perikli, fit-tbatija, f’kull dubju, aħseb f’Marija, sejjaħ isimha.
Żommha f’moħħok, żżommha f’qalbek.
Imxi fuq l-eżempju ta’ ħajjitha u ma tintilef qatt.
Meta titlobha għall-għajnuna ma tiddispra qatt,
meta żommha fi ħsibijietek ma tintilef qatt.
B’idejk f’idha ma titfixkel qatt,
bil-ħarsien tagħha ma titbeżża’ qatt.
Meta tmexxik hi ma tgħeja qatt.
It-tjieba tagħha twasslek u tħarsek sat-tmiem.
Imbagħad dakinhar tagħraf, għax ġarrabt,
(San Bernard ta’ Clairvaux, Homiliae quattuor super “Missus est”: De laudibus Virginis Matris, Hom. II, n. 17)
li hi tassew, Marija, il-kewkba tal-baħar.”
Viva Sidtna Marija tal-Grazzja!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta