L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Hija silta għażiża, din is-silta li għadna kemm smajna. Hemm diversi personaġġi: Ġesù, fuq is-salib; u ħdejn is-salib tiegħu, diversi nisa: “ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala” (Ġw 19:25). Imma hemm ukoll id-dixxipli li Ġesù kien iħobb. Hemm żewġ persuni minn din il-lista li semmejna, li fuqhom l-Evanġelista San Ġwann jgħid li kienu wieqfa. “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu” (Ġw 19:25). Imma wieqaf ħdejn omm Ġesù, kien hemm ukoll id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb. Ġesù fil-fatt “lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha” (Ġw 19:26). Dawn iż-żewġ persuni weqfin ħdejn is-salib ta’ Ġesù: l-omm wieqfa ħdejn is-salib ta’ binha u d-dixxiplu wieqaf ħdejha.
Riflessjoni ċkejkna minn dan il-fatt li jirrakkonta San Ġwann. L-omm, li ma tabbandunax lil binha. U għalhekk, insellmu llum f’din il-festa tad-Duluri, lil tant ommijiet, li jiġri x’jiġri, qegħdin dejjem hemm. Anke jekk ma jkunux hemm fiżikament, għax uliedhom ikunu ’l bogħod, l-omm iġorr lil uliedha fil-qalb tagħha. Tant ommijiet, li fil-ċirkustanzi ibsin tal-ħajja, jibqgħu wieqfa ħdejn is-salib ta’ wliedhom. Insellmulhom lil dawn in-nisa, u nitgħallmu mill-qalb tal-omm xi tfisser l-imħabba.
Imma llum nitgħallmu wkoll mid-dixxiplu, li mingħand Ġesù rċieva mħabba speċjali. Tant hu hekk, li r-raba’ Evanġelju, dejjem isejjaħlu d-dixxiplu li Ġesù kien iħobb. Mill-imħabba li rċieva mingħand Ġesù, dan id-dixxiplu tgħallem japprezza min kienet Marija ta’ Nazaret. U ħdejn is-salib ta’ Ġesù kien hemm hu wkoll wieqaf ħdejn l-omm. U Ġesù, minn fuq is-salib, jafda lil dan id-dixxiplu f’idejn Marija ta’ Nazaret: “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26); u lilha jafdha lilu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Dak il-mument, Ġesù jaħtar lil ommu, omm id-dixxipli kollha tiegħu; omm ta’ kull wieħed u waħda minna.
U allura, t-talba tagħna tkun, li meta l-ommijiet tagħna, minħabba l-inkwiet li nġibulhom aħna l-ulied, ikollhom bżonn il-faraġ, iħarsu lejn din l-omm, li ħdejn is-salib ta’ binha, saret ommna wkoll. It-tbatija tagħha u d-dulur tagħha mhumiex ’il bogħod mit-tbatija u d-dulur tagħna. Ħafna drabi t-tbatija u d-dulur huma l-prezz tal-imħabbiet tagħna. Min ma jħobbx, ma jafx x’jiġifieri dulur; ma jafx x’jiġifieri meta jiġi l-maltemp, meta tiġi l-umiljazzjoni, li tibki fis-silenzju, mingħajr ħadd ma jarak, li qalbek tinqasam bit-turufnament ta’ din il-ħajja. Min ma jħobbx, il-lingwaġġ tad-dulur, ma jafux.
It-tbatija tagħha u d-dulur tagħha mhumiex ’il bogħod mit-tbatija u d-dulur tagħna.
Imma aħna u niċċelebraw lil din l-omm, qed niċċelebraw mhux biss id-dulur tagħha, imma d-dulur tagħha bħala espressjoni tal-imħabba kbira tagħha. L-imħabba tal-omm tibqa’ għal dejjem. Tmur lil hinn mill-mewt. L-ebda mewt ma tista’ teqred l-imħabba tal-omm. U aħna wkoll, aħna u nħarsu lejn Marija Addolorata, nifhmu li hija ommna, għax hekk għażilha Ġesù, anke meta aħna nitbiegħdu; anke meta lil Alla nweġġgħuh, hi tibqa’ ommna; bħalma l-Mulej jibqa’ l-Missier tagħna tas-sema.
Inħarsu lejha, nitolbuha l-faraġ; imma nitolbuha wkoll, li bil-merti tad-dmugħ tagħha, u tas-sejf li nifdilha ruħha, bħalma qalilha Xmun, aħna nrattbu lil qalb tagħna għal xulxin, għalina nfusna; u lil Alla ma nibżgħux nersqu lejh għax huwa għani fil-ħniena. Min irid jifhem kemm hu ħanin Alla, jaħseb fil-prezz li ħallas ibnu biex jifdina; iħares lejn l-omm wieqfa ħdejn is-salib, u jifhem li dik li ġiet imnissla mingħajr tebgħa, bkiet minħabba d-dnubiet tagħna; rat lil binha l-għażiż, minxur fuq is-salib, minħabba d-dnubiet tagħna. Prezz għażiż, prezz kiefer, prezz li jurik kemm inti għażiż, kemm inti għażiża quddiem Alla. Il-fidwa ta’ ruħna kellha jkollha l-prezz tant innoċenti u tant għażiż.
Min ma jħobbx, il-lingwaġġ tad-dulur, ma jafux.
“Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu” (Ġw 19:25). Ejjew nitolbu f’din il-festa tad-Duluri, ħalli aħna qatt ma nabbandunaw is-salib tal-ħajja, anke fi tmiem il-mewt. Ħafna drabi, meta nkunu f’diffikultajiet lejn tmiem il-ħajja, toħroġ minn qalbna dik it-talba: ‘Mulej, ħenn għalih, ħenn għaliha’. U dik it-talba tkun tfisser, li l-Mulej, iqarreb il-mument ta’ tmiem il-ħajja; imma dik it-talba m’għandha xejn x’taqsam mar-rieda li l-mewt inġibuha b’idejna.
Ejjew nitolbu lill-Mulej, f’din il-festa tad-Duluri, jgħallimna l-kompassjoni vera, u jbiegħed minna it-tentazzjoni li biex mingħalina nħobbu lil xi ħadd, noqtluh aħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 20:10-13
Salm: 17 (18):2-3a,3bċ-4,5-6,7
L-Evanġelju: Ġw 10:31-42