L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Santu Wistin kien Afrikan. Twieled fis-sena 354 f’Tagaste – kieku llum parti mill-Alġerija. Missieru Patrizju kien pagan, u ommu Monika, li għamilna t-tifkira tagħha lbieraħ, kienet mara Nisranija u devota.
Kellu edukazzjoni tajba ħafna. Kellu dik l-edukazzjoni li tgħinu jkun f’kuntatt mal-kultura Rumana. Imma mbagħad meta kiber, fiż-żgħożija ngħaqad mal-Manikej, li kienet setta eretika, u tbiegħed mit-trobbija Nisranija li tatu ommu. Għex ħajja mqallba ħafna. Kien mogħti għall-istudju, għall-għerf. Għallem f’Tagaste, f’Kartaġini, f’Ruma u spiċċa wkoll jgħallem f’Milan. Hemmhekk, barra li kien jgħallem, kien ikompli jfittex. Għadda ħafna minn ħajtu jfittex lil Alla, jfittex il-verità. Hemm ġie f’kuntatt ma’ San Ambroġ, li kien l-Isqof ta’ Milan. Kien jolqtu meta jisimgħu jippriedka. Dan kien il-bidu – li mbagħad Santu Wistin kompla anke japprofondixxi fil-ħajja tiegħu – tal-konverżjoni li seħħet fih, għaliex meta kien jisimgħu kien iġagħlu jaħseb, u bil-mod il-mod iddeċieda li jikkonverti.
Fil-fatt kien San Ambroġ stess, li fis-sena 387, għammdu fil-Vġili tal-Għid. Kien hemm preżenti għall-magħmudija ommu, Santa Monika, li kienet għaddiet dawk is-snin kollha – hu tgħammed ta’ 33 sena – titlob għalih u għall-konverżjoni tiegħu. Kienet qisha dik li smajna fl-Evanġelju, iżżomm il-musbieħ mixgħul il-ħin kollu, bit-tama li Alla jisma’ t-talb tagħha. Fil-fatt, kienet kuntenta ħafna li ratu jitgħammed. Mietet ftit wara. Il-ħsieb tagħhom kien li jmorru lura l-Afrika, imma hi mietet qabel marru.
Santu Wistin eventwalment mar lura Tagaste fejn kien jgħix f’ħajja komunitarja, u fis-sena 391 ġie ordnat saċerdot. Ftit snin wara ġie magħżul bħala l-Isqof ta’ Ippona, u għadda ħajtu bħala Isqof ragħaj li jieħu ħsieb tassew il-Poplu ta’ Alla – bil-predikazzjoni, bil-kitbiet tiegħu mimlija għerf, bil-ħsieb tiegħu wkoll għall-foqra, għall-morda, għan-nies fil-bżonn, anke għal dawk li kienu jeħtieġu l-ikel għall-għajxien. Ħa ħsieb il-formazzjoni tal-kleru, u anke wieħed jara l-parteċipazzjoni tiegħu f’diskussjonijiet pubbliċi mhux biss fid-djoċesi tiegħu imma wkoll ’il barra, anke fil-Konċilji Afrikani.
… għax meta ngħaqad ma’ Alla, hemm sab, fl-imħabba ta’ Alla, il-milja ta’ ħajtu.
Santu Wistin miet fis-sena 430, ta’ 75 sena. Ħalla wirt kbir lill-Knisja, speċjalment il-kitbiet tiegħu. Insemmi żewġ kotba importanti ħafna, Il-Belt ta’ Alla, u L-Istqarrijiet, fejn hemm ifisser il-konverżjoni tiegħu, il-mixja li għamel hu u jfittex lil Alla. Fil-fatt, hemm dik it-talba magħrufa ħafna li qiegħda fil-bidu ta’ L-Istqarrijiet: “Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik.”
X’jgħallimna għall-ħajja tagħna? Santu Wistin jgħallimna ħafna. Insemmi kemm hu importanti li aħna qatt ma naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla. Jgħallimna li dejjem inkomplu nfittxu lil Alla li jimla ħajjitna. Inkella jkollna dak il-vojt. Santu Wistin kienet din l-esperjenza tiegħu. Għarfu tard lil Alla, imma jgħid imbagħad kemm kien Alla li mlielu ħajtu, għax meta ngħaqad ma’ Alla, hemm sab, fl-imħabba ta’ Alla, il-milja ta’ ħajtu.
Nixtieq li ngħid din is-silta sabiħa minn Santu Wistin li tesprimi proprju l-mixja tal-ħajja tiegħu: “Kemm ħabbejtek tard, ja ġmiel hekk qadim u hekk ġdid, kemm ħabbejtek tard! U ara, inti kont ġewwa fija u jiena ’l barra minni nnifsi. Fittixtek hemm barra, u jien, bla sura ta’ xejn, intfajt kollni kemm jien fuq il-ħafna suriet sbieħ li int għamilt. Kont miegħi, u jien ma kontx miegħek. Żammewni ’l bogħod minnek dawk l-istess ħwejjeġ li ma kienx ikollhom ezistenza kieku ma jeżistux fik. Int sejjaħtli u għajjattli, u ftaħt il-widnejn torox tiegħi; bħal berqa xħett id-dija tiegħek fuqi u keċċejt l-għama tiegħi; xerridt il-fwieħa tiegħek, u jien ġbidt nifs ’il ġewwa, kollni mxennaq għalik; doqtok, u issa jiena mġewwaħ u għatxan għalik; missejtni, u jien tħeġġiġt għas-sliem tiegħek.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta