L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kif innutajtu l-Evanġelji li l-Knisja tagħżel fir-Raba’ Ġimgħa tal-Għid jagħtuna dejjem ħjiel ta’ riflessjoni fuq ir-ragħaj fil-Knisja ta’ Ġesù, il-leadership.
Illum il-Knisja tagħtina diversi elementi wħud ta’ dawl, oħrajn ta’ inqas dawl jew ta’ dlam. U ta’ min wieħed joffri riflessjoni qasira fuq dawn l-elementi. L-għażla tal-Evanġelju tal-lum torbot fuq l-aħħar kelmiet ta’ Ġesù anke għaliex hu jinsisti fuq dak li qed jgħid billi jintroduċi l-kliem tiegħu bil-frażi: “Tassew, tassew ngħidilkom” (Ġw 13:16). Fl-Evanġelju skont San Ġwann id-dikjarazzjonijiet, il-kliem l-iżjed solenni ta’ Ġesù jibdew b’din l-espressjoni: “Tassew, tassew ngħidilkom”.
Hu jgħid: “Min jilqa’ lil min nibgħat jien, ikun jilqa’ lili” (Ġw 13:20). B’din il-kelma Ġesù qiegħed javża lill-komunità li meta jkun bagħat ’l xi ħadd u l-providenza taħtar ’l xi ħadd biex ikun ragħaj tal-poplu, dak ikun mibgħut mill-Mulej. Jista’ jkun imżejjen bid-difetti kollha tad-dinja imma huwa mibgħut mill-Mulej. U jiena ma nilqgħux għax ħadt grazzja miegħu jew għax jgħid dak li nixtieq nisimgħu jgħid, imma għaliex bagħtu Ġesù. Huwa l-mibgħut ta’ Ġesù.
“Min jilqa’ lili” jgħid Ġesù mbagħad, “ikun jilqa’ lil dak li bagħatni” (Ġw 13:20). Ħafma drabi tisma’ min jgħid: ‘ma’ Kristu iva, mal-Knisja le’. Ġesù meta kellem lil Missierna San Pawl m’għamilx differenza bejnu u bejn il-Knisja. Lil San Pawl ma qallux: ‘għaliex qiegħed tippersegwita l-Knisja’, qallu: “Għax qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4). U din hija l-istess riflessjoni li jġagħalna nagħmlu Ġesù meta jgħid: “Min jilqa’ lil min nibgħat jien ikun jilqa’ lili u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni” (Ġw 13:20).
Ġesù qiegħed javża lill-komunità li meta jkun bagħat ’l xi ħadd u l-providenza taħtar ’l xi ħadd biex ikun ragħaj tal-poplu, dak ikun mibgħut mill-Mulej. Jista’ jkun imżejjen bid-difetti kollha tad-dinja imma huwa mibgħut mill-Mulej.
Ġesù imma wkoll jitkellem dwar mumenti ta’ dlam. “Jiena naf x’nies għażilt” (Ġw 13:18). Issa hawnhekk Ġesù mhux qed jgħid biss li għażilhom għax huma bravi jiġifieri mhux qed jgħid: ‘naf iċ-ċertifikati li għandhom tal-O’level u tal-A’level, qed jgħid ukoll li jaf kemm huma dgħajfin u midinbin. “Naf x’nies għażilt”. U għalhekk jitkellem ukoll bit-traġedja ta’ min jiekol il-ħobż miegħu, ta’ min jidħol f’intimità miegħu fis-sagramenti u jagħtih bis-sieq. Din hija t-traġedja tagħna meta aħna, li l-Mulej għażilna, nagħtuh bis-sieq.
U l-Mulej jgħid din se tiġri u meta tiġri tindunaw li jiena naf. Il-Mulej ukoll jerġa’ jintroduċi l-ewwel kliem li smajna, dik il-frażi solenni: “Tassew, tassew ngħidilkom. L-ilsir mhux aqwa minn sidu, il-messaġġier mhux aqwa minn min jibagħtu” (Ġw 13:16). “Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom” tifhmuhom li jekk ittrattawni ħażin se jittrattaw lilkom ħażin, jekk jgħajruni se jgħajrukom, jekk jilqgħuni se jilqgħukom, “Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmuluhom” (Ġw 13:17).
Aħna ma nistgħux nippretendu li naħarbu mis-salib jekk min bagħatna għadda minn dik it-triq; ma nistgħux aħna naħarbu mit-tbatija jekk is-sid li bagħtna għadda minn dik it-triq. U l-hena tagħna se tkun li aħna nifhmu li rridu nimxu fuq il-passi tal-Imgħallem.
Dawn huma tliet riflessjonijiet li l-Knisja toffri din il-ġimgħa ddedikata lir-Ragħaj it-tajjeb, lil-leadership fil-Knisja. Li l-leader mhux għax wiċċu gustuż imma nisimgħu għax mibgħut minn Ġesù, li l-leader jista’ jkun ukoll miksi bid-difetti u jista’ wkoll ikun traditur u għalhekk wieħed irid iħares lejn Ġesù mhux lejn wiċċ il-leader, u li l–leader irid jifhem u hekk ikun kuntent tassew li t-triq tiegħu se tkun it-triq tal-Imgħallem – m’hemmx oħra.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 13, 13-25
Salm: 88 (89), 2-3.21-22.25 u 27
Evanġelju: Ġw 13, 16-20