L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelju li għandna kemm smajna minn San Luqa huwa nisġa ta’ diversi avvenimenti. Ġesù jitkellem dwar avvenimenti storiċi li kienu għadhom ma seħħux, imma meta nkiteb l-Evanġelju ta’ San Luqa kienu seħħu, u fl-istess ħin jużahom bħala sinjal ta’ affarijiet li għadna m’għexniex – tmiem id-dinja jew id-destin tagħna.
Ħa nibda b’dak li l-Evanġelju ta’ San Luqa jagħżel mill-avvenimenti storiċi, fis-sena 70WK. Ir-Rumani assedjaw lil Ġerusalemm u qerduha, inkluż it-tempju sabiħ ta’ Ġerusalemm, fejn qed jitkellem Ġesù f’dan l-Evanġelju. Ġesù jgħid, “Għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx” (Lq 21:6). Bħalma ġara taħt l-Imperatur Titu.
Wieħed mill-monumenti kbar ta’ Ruma ħdejn il-Kolossew ta’ Ruma hu ark trijonfali li jiċċelebra r-rebħa u l-qerda ta’ Ġerusalemm. Imbagħad kien hemm il-persekuzzjoni tal-Insara b’mod speċjali fi żmien Neruni, li peress li ried jagħmel Ruma ġdida, ordna li jsir nar kbir, li qered parti kbira minn Ruma, imbagħad waħħal b’dak li ġara fl-Insara. U bdiet persekuzzjoni ħarxa. Fosthom mietu Pawlu u Pietru fil-persekuzzjoni ta’ Neruni.

Ġesù juża l-qerda ta’ Ġerusalemm, il-persekuzzjoni tal-Insara biex jgħidlina, “Ix-xena ta’ din id-dinja, ingawduha għal ftit, imma tispiċċa wkoll.” U jitkellem fuq tmiem id-dinja li aħna għadna m’għexniex. M’aħniex m’għaġġlin biex tispiċċa d-dinja. U javżana wkoll kontra min ibeżżgħana. Hawn min anke bil-kullar, ħa nitkellem ċar, jogħxa jbeżża’ n-nies bi tmiem id-dinja, bl-Infern, bil-kastigi. Donnu Alla tagħna m’għandux qalb. Donnu d-dinja se tispiċċa għada.
Ġesù jgħidilna “tmorrux warajhom” (Lq 21:8), tagħtux kashom. Qed navżakom ukoll l-aħwa, bħala l-Isqof tagħkom, anke jkun hemm qassis li jbeżżgħakom bi tmiem id-dinja, dawk li jgħidulu ‘l-warning’ u bl-Infern, isimgħu l-kelma tar-Ragħaj tagħkom. Imbagħad lil dak jien jkolli nieħu ħsiebu wkoll. Għax jiena ma nippermettix li xi ħadd f’isem Kristu jwerrer lill-poplu tiegħi. Alla tagħna mhux Alla tat-twerwir. Tajjeb li lil Alla tistmah ta’ Alla li hu, imma bħalma jgħidilna San Ġwann, l-imħabba hi aqwa mill-biża’. U l-maħfra ta’ Alla bħalma tgħid Sidtna Marija hija minn nisel għal nisel. “Minn nisel għal nisel il-ħniena tiegħu” (ara Lq 1:46-55).
Imma s-sens kbir ta’ dawn l-Evanġelji tal-aħħar tas-sena, għaliex kull sena aħna naqraw dawn l-Evanġelji fejn Ġesù jitkellem fuq it-tmiem tad-dinja kif nafuha. Jasal. Għedna li aħna m’aħniex mgħaġġlin, u jgħidilna li mhux billi jgħidulkom se jasal dalwaqt. Huma min jgħidilna ‘se jasal’, imbagħad jgħidilna, ‘le ma wasalx’. Qed jgħadduna biż-żmien. Taħlux żmien wara dawn in-nies. Jgħidu kemm jgħidu li raw il-Madonna u semgħu lil Ġesù Kristu. Għax aħna m’aħniex reliġjon tat-twerwir u lanqas tal-biża’.

U Ġesù javżana. Imma javżana biex nitgħallmu nirrispettaw il-ħajja li ngħixu, ngħixuha ta’ nies, u ngħożżu lil xulxin. Min jaf kemm-il darba, meta jonqos għax imut xi ħadd għażiż, ngħidu lilna nfusna, kemm kelli ċans ngħid lil ommi li nħobbha, u għidt imbagħad ngħidilha għada, jew lil missieri kemm stajt nurih rispett u ħallejt għal għada. Illum, illum huwa l-mument fejn lil min tħobb, tgħidlu, ‘Inħobbok, qiegħed hawn biex nieħu ħsiebek.’ Mhux għada, illum.
Ġesù, jekk jixtieq xi ħaġa minnu l-Evanġelju tal-lum, huwa li ngħożżu l-ħajja li tana. Kultant tisma’ l-aħbarijiet, u tisma’ b’xi mewt ta’ xi ħadd għadu żgħażugħ, u tgħid, ‘Ara jaħasra, ma gawdiex il-ħajja.’ Imma jekk inti f’kull mument, li jisilfek il-Mulej, tgħid: ‘Dan għandi llum, din il-ġurnata għandi biex inkun imħabba, biex nuri l-għożża, biex ngħix ta’ nies, biex ngħix b’mod onest.’ Illum, mhux għada,
Allura l-ħajja tagħna tkun sensiela ta’ ġranet sbieħ. Tgħidli imma qatt ma jiġik il-maltemp, Dun, int? U mela le. Qegħdin fis-sajf ta’ San Martin hawnhekk eh, tajjeb għall-għawm illum, tant hi ġurnata sabiħa, imma nispera li tiġi wkoll xi naqra xita. Tgħiduli mhux illum imma għandna bżonnha wkoll. Min għandu r-raba’ u min hu bidwi jaf x’qed ngħid. Għax kollox f’ħinu.

Imma kemm hu importanti li aħna ngħożżu l-ħin u nkunu bieżla. L-Appostlu Missierna San Pawl jitkellem ċar. Intom tafuh għax intom il-patrun tagħkom hawnhekk. Tafu kemm kien żbukkat għall-grazzja t’Alla u ħin minnhom qal: “Min jitgħażżen ma jipprentendix imbagħad li jiekol” (ara 2 Tess 3:7-12). Imma għaliex, x’kien qed jiġri? Peress li l-Appostlu Missierna, speċjalment fil-bidu, fl-ittri ta’ qabel, kien qed jgħid li l-Mulej dalwaqt ġej, kienu jgħidu mela noqogħdu nistennew lill-Mulej u ma nagħmlu xejn, la dalwaqt ġej. Dalwaqt tispiċċa d-dinja. Jgħidilhom, “Sakemm jasal il-mument, irridu nkunu bieżla. Il-ħobż tagħna naqilgħuh bil-bżulija tagħna, mhux bl-għażż tagħna” (2 Tess 3:7-12).
Uża ħajtek u ħinek biex tagħmel il-ġid
U tajjeb, nagħlaq b’din il-ħaġa. “L-għażż”, kien iħobb jgħidha wkoll, Dun Ġorġ Preca, “hija art għammiela għall-inkwiet kollu tad-dinja”. Titgħażżinx fil-ħajja. Ipprova uża ħajtek u ħinek biex tagħmel il-ġid. U jekk ikun hemm xi ħadd li jaħseb – jiena npappiha ta, ma nagħmel xejn, qed jitlef ħajtu. Għaliex ir-responsabbilità li tana l-Mulej li nħaddmu l-ħiliet tagħna, it-talenti li tagħna, anke fiċ-ċokon, biex nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid.
U hekk nitolbu wkoll li bil-bżulija tagħna, inħallu d-dinja aħjar milli sibnieha u ngħixu ħajja hienja kif ngħidu wara l-konsagrazzjoni, “Nistennewk sa ma tiġi fil-glorja.” Imma mhux b’idejna marbutin. Ferħanin, mimlijin kuraġġ, u biżlin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Mal 3:19-20a
Salm: 97 (98):5-6,7-8,9a,9bċ
Qari II: 2 Tess 3:7-12
L-Evanġelju: Lq 21:5-19





