-
-
Nhar il-Ħadd 13 ta’ Diċembru 2015, it-Tielet Ħadd tal-Avvent, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ta bidu għall-Ġublew Straordinajru tal-Ħniena fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Matul iċ-ċelebrazzjoni, l-Arċisqof fetaħ l-Ewwel Bieb tal-Ħniena fil-Katidral tal-Imdina.
Iċ-ċelebrazzjoni bdiet fil-Knisja ta’ San Mark, ir-Rabat, u kompliet b’purċissjoni mmexxija mill-Arċisqof lejn il-Katidral tal-Imdina, fejn infetaħ il-Bieb tal-Ħniena u saret Quddiesa Solenni fil-Katidral.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lil Papa Franġisku ta’ dan il-Ġublew Straordinarju, u rringrazzja lil kull min attenda għal din il-funzjoni. L-Arċisqof qal li f’kull ċirkostanza, in-Nisrani, fl-istqarrija pubblika li jagħmel, qed juri wkoll li kull persuna hija midinba quddiem il-Mulej, però dan dejjem għandu jagħmlu bi spirtu ta’ ferħ.
L-Arċisqof qal li l-hallmark tan-Nisrani hija l-ħlewwa, il-kapaċità li ma jkunx arroganti jew supperv: “pero dan jitlob minnu esiġenzi konkreti”. L-Arċisqof irrefera għall-Vanġelu minn San Luqa (Kap 3:10-18), fejn Ġwanni l-Battista ġie mistoqsi mill-pubblikani u s-suldati dwar x’għandhom jagħmlu waqt li qed jistennew lill-Messija. L-Arċisqof qal li, bħalhom, in-Nisrani għandu jħaddan il-prinċipju tal-legalità: li wieħed dejjem għandu jimxi mal-liġi. L-Arċisqof saħaq li l-politiku, s-civil servant, u anke membru tal-Kleru, għandu jħossu responsabbli li ma jixxaħħamx, anzi, qal, “kull membru fis-soċjetà Maltija għandu jħoss ukoll din ir-responsabbilta’ li ma jippromovix kultura ta’ tixħim, pjaċiri jew korruzzjoni”.
L-Arċisqof irrefera għad-diskors li għamlet f’Jum ir-Repubblika l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, u kif għamlet hi, saħaq li “d-drittijiet tal-bniedem għandhom jieħdu prijorità qabel il-feel good effect tal-karità okkażjonali”. Tenna li n-Nisrani għandu jaħdem għal nazzjon li jħaddan l-etika, l-ekwalità u l-ġustizzja.
Fil-bidu tal-Ġublew, l-Arċisqof stieden lil dawk preżenti biex jitolbu għall-familji, għaż-żgħażagħ biex qatt ma jitilfu t-tama fil-futur tagħhom, għat-tfal sabiex jiġi mismugħ il-leħen tagħhom, inkluż l-iżgħar mit-trabi, anke meta jkunu għadhom embrijun.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, tħabbru ż-żewġ knejjes oħra li fihom se jinfetħu Bieb tal-Ħniena matul il-Ġublew tal-Ħniena. Dawn huma: is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa li se jinfetaħ fis-27 ta’ Diċembru 2015, u l-Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija fl-Isla, li se jinfetaħ fid-9 ta’ Jannar 2016.
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Katidral tal-Imdina
13 ta’ Diċembru 2015
L-ewwelnett nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza sabiħa tagħkom illejla. Ilkoll kemm aħna għaddejna minn dan il-Bieb tal-Ħniena. Nirringrazzjaw lill-għażiż Papa Franġisku li bir-rieda tiegħu, f’kull djoċesi tad-dinja, infetħu dawn il-bibien tal-ħniena, u li bil-volontà tiegħu ta’ Ragħaj suprem tagħna, ta’ “Kristu ħelu fuq l-art” – kif kienet issejjaħ il-Papa Santa Katarina ta’ Siena – ried li l-indulġenza plenarja tal-Ġublew tkun aċċessibbli mmedjatament għal kulħadd, mingħajr neċesssità ta’ vjaġġar u ta’ spejjeż jew skariġġ. Minkejja dan, anke biex tiġi l-Imdina llejla, u ’l quddiem biex tmur fiż-żewġ bibien l-oħra tal-ħniena li se jinfetħu fid-djoċesi tagħna, trid tagħmel sforz, trid tieħu deċiżjoni.
X’inhu r-rekwiżit biex inti tkun tista’ tgħaddi mill-Bieb tal-Ħniena? Trid tkun midjun mal-ħniena ta’ Alla – trid tħoss il-bżonn tagħha. Min jaħseb li hu ġust m’għandux bżonn ħniena, ma jħossx il-bżonn li jgħaddi mill-bieb tal-ħniena. Imma il-ġest sempliċi li aħna għamilna llum, huwa stqarrija pubblika li aħna midinbin. Dak huwa l-ewwel rekwiżit – li nagħrfu bl-umiltà u fil-verità li aħna midinbin, li għandna bżonn il-ħniena tal-Mulej.
Din il-ħaġa ma nagħmluhiex bid-dwejjaq fil-qalb tagħna, imma nagħmluha fl-ispirtu ta’ ferħ kif kantajna fl-innu tal-introjtu llum: “Nidħlu ferħana fit-tempju tal-Mulej għax hu sejħilna”. Għalkemm inti mgħobbi bid-dgħufija tiegħek ta’ bniedem, għalkemm taf li inti midneb, ma tistax ma tifraħx meta inti qed tersaq lejn laqgħa mal-Missier għani fil-ħniena. Għalhekk tant joqgħod tajjeb il-kliem tal-profeta Sofonija: “Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu. Il-Mulej Alla tiegħek qiegħed f’nofsok” (Sof 3,16). “Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik” (v 15). Il-Mulej neħħieha s-sentenza li kellek kontrik. Għalhekk Sofonija jgħidilha lil Sijon, il-belt għażiża tal-Mulej, “Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek. Infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! Keċċa l-għedewwa tiegħek” (vv 14-15).
Fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni aħna ċħadna lix-xitan imma kemm il-darba nerġgħu niddendlu ma’ djulu, għax jogħġobna l-vizzju l-antik. Kemm il-darba! Imma l-Mulej ma jaqtax qalbu, jibqa’ jistenniena, jistedinna u jsejħilna, għax jekk ix-xitan huwa l-akkużatur, il-Konsolatur huwa l-avukat tagħna, dak li jiddefendina. Tinsew qatt il-kelma tal-Mulej fuq is-salib: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34).
Illum ma nifirħux biss aħna, imma nistagħġbu li l-Mulej ukoll jifraħ bil-ħniena li biha jagħnina, li biha jagħmilna tassew uliedu: “minħabba fik il-Mulej jithenna b’hena kbir, f’imħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajjat ta’ ferħ” (Sof 3, 17). Sofonija ma jitkellimx biss mill-ferħ ta’ Sijon imma jitkellem mill-għajjat ta’ ferħ tal-Mulej. Illum il-ferħ tagħna jiltaqa’ mal-ferħ tal-Mulej. L-appostlu Missierna San Pawl jerġa’ jħeġġiġna: “ifirħu dejjem fil-Mulej, nerġa ngħidilkom ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha” (Fil 4, 4-5). Din hija l-hallmark tan-Nisrani, il-ħlewwa, li tfisser kapaċità li taħfer, kapaċità li tkun ġentili, modest fil-kliem, qatt arroganti, qatt aggressiv, qatt supperv. “Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha”. “ls-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma’ l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ” (v 7). Il-moħħ u l-qalb jgħumu fil-paċi meta jiskopru l-ħniena tal-Mulej. Għalhekk fl-Innu tal-Ġublew, inkantaw: “għal dejjem il-ħniena tiegħu – in aeternum misericordia eius”. Il-ħniena li timla l-qalb tagħna bis-sliem, il-moħħ tagħna bil-paċi, il-qalb tagħna bil-ferħ, għandha esiġenzi konkreti.
Il-Vanġelu tal-lum, minn San Luqa (Lq 3, 10-18), jibda bid-domanda li n-nies li kienu ltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista u tal-messaġġ tal-ħniena li kellu, għax il-ħniena hija dejjem ta’ Alla u mhux ta’ Ġwanni l-Battista, jgħidulu lil Ġwanni l-Battista: “aħna x’għandna nagħmlu?”. Din il-mistoqsija għandha tkun tagħna wkoll. X’għandna nagħmlu? Din l-esperjenza tal-ħniena, din is-Sena tal-Ħniena, għal-liema atti, atteġġjamenti, deċiżjonijiet konkreti, qiegħda tistedinna?
Ir-risposta ta’ Ġwanni tiġi mal-ewwel, wara kollox ismu magħżul min Alla ‘Johannan’ tfisser Alla jħenn, Alla ħanin. Imma l-ħniena u l-indiema li qed jipprietka Ġwanni l-Battista għandhom konsegewenzi konkreti. “Min għandu żewġ ilbiesi jaqsam ma’ min m’għandu xejn”. L-opri tal-ħniena, il-karità, mhumiex xi ħaġa tas-simpatija u tal-emozzjoni ta’ dak il-ħin, imma huma esiġenza ta’ deċiżjoni ċara li aħna nitħaddnu mill-ħniena tal-Mulej u nuru l-ħniena li rċevejna anke ma’ ħutna l-bnedmin. Min għandu x’jiekol, jaqsam ma’ min m’għandux, l-ilbies u l-ikel. Innutaw kif fir-risposta tiegħu lil dawk li staqsewh “x’għandna nagħmlu?”, Ġwanni jindika dak li aħna nqisu l-opri tal-ħniena. Ġesù wkoll fil-Vanġelu ta’ San Mattew jgħid: “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni” (Mt 25, 35-36). Il-Mulej stess jikkonferma l-indikazzjoni konkreta tal-prekursur, ta’ Ġwanni l-Battista. U jersqu wkoll il-pubblikani, il-kategorija l-iżjed popolari fl-istorja tad-dinja, dawk li jiġbru t-taxxi. “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna? Tissikaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. B’din l-espressjoni, fil-Vanġelu nsibu diġà l-prinċipju tal-legalità. Għandek tiġbor daqshekk taxxa, titlobx iżjed, ħabib! Diġa t-taxxa mhix li tirbaħ il-lotterija. Kemm hemm bżonn li min hu responsabbli fis-soċjetà, iħaddan bil-qalb il-prinċipju tal-legalità, li jimxi mal-liġi bħala opra tal-ħniena.
Ġew ukoll xi suldati, dawk li elfejn sena ilu kellhom il-poter totali f’idejhom. “Aħna x’għandna nagħmlu?” jistaqsu lil Ġwanni l-Battista. U hu jweġibhom: “tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq. Ikkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”. Din il-kelma mhux għas-suldati biss, l-aħwa, imma għal kull min fis-soċjetà, fil-qasam privat, għandu l-paga, ħa jikkuntenta ruħu biha. Billi tbiddel il-job, forsi jagħtuk paga aħjar, nawguralek, minkejja li jkollok tħallas iżjed taxxi. Imma l-kelma ta’ Ġwanni l-Battista hija ċara, ma tistax inti tgħaddi minn dak il-bieb tal-ħniena u tkompli tiġġustifika u timpromwovi kultura ta’ korruzzjoni, ta’ tixħim, ta’ pjaċiri u favuri, għaliex wieħed jaqa’ fit-tentazzjoni li jkun korrott għax ikun hemm min qed jippressah biex ikun korrott. U aħna rridu nieħdu deċiżjoni bħala soċjetà, mingħajr ma nippuntaw subgħajna lejn ħadd, għax fuq din il-ħaġa li jsemmi Ġwanni l-Battista, aħna koresponsabbli. Ħa nitkellem ċar, kif intom tafu li nagħmel: il-politiku, is-civil servant, il-membru tal-kleru li għandu tikka poter ta’ din id-dinja, jinxtara’ għax ikun hemm min irid jixtrih. Ir-responsabbiltà hija tassew ta’ kull wieħed u waħda minna.
Ġwanni ma tkellimx biss dwar il-magħmudija tal-indiema, imma tkellem dwar xi ħadd aqwa minnu li kellu jġib magħmudija tan-nar, magħmudija tal-Ispirtu. “Ġej wieħed aqwa minni li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”. F’din is-Sena tal-Ħniena, ejjew nixxenqu għal din il-magħmudija li qed joffrilna Ġesù kuljum bħala wlied adottivi tal-Missier, li aħna jkollna full immersion – għax dik tfisser il-magħmudija fil-ħajja tal-Ispirtu s-Santu – fin-nar li jiġi fid-dinja biex iqabbad in-nar tal-imħabba tiegħu.
Jiena nixtieq nikkwota, waqt li nsellmilha, lill-għażiża President tar-Repubblika. Dalgħodu, hi u tindirizza lill-art ħelwa, lil art twelidna, qalet hekk l-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca: “Nemmen bis-sħiħ li r-Repubblika bbażata fuq il-ħniena ma tieqafx tipprietka l-umanità qabel il-profitt”. L-ewwel il-bniedem, imbagħad il-profitt. “Id-dinjità tal-bniedem qabel il-fruntieri”, qabel ngħidu: ‘aħna qegħdin komdi hawnhekk, full-up’, ejjew inħarsu lejn min m’għandux fejn jistrieħ, min m’għandux biex isib għaxja ta’ lejla. “Id-drittijiet umani qabel il-karità okkażjonali”.
X’inhi tgħid il-President? Ħafna drabi, aħna nikkunslaw li meta jkollna mumenti ta’ karità nazzjonali, ta’ kommozzjoni għall-fqir, inkunu ġenerużi, u nagħmlu tajjeb. Imma inti, għax tagħti dak il-kontribut ċkejken, ma tistax tgħid: ‘issa l-kuxjenza tiegħi f’postha’, imbagħad lill-ħaddiema tiegħek tikkalpestahom jew ma tħallashomx daqskemm għandek tħallashom, jew ma tħallasshom xejn u tgħidilhom: “għax m’għandix”. Id-drittijiet tal-bniedem għandhom jieħdu prijorità qabel il-feel good effect tal-karità okkażjonali. Il-President qalet: “ninnota li mhux dejjem qed jirnexxilna nagħmlu l-għażliet etiċi tajba”.
F’din is-Sena tal-Ħniena, hemm bżonn li aħna nerġgħu niskopru dik il-boxxla, dak il-kumpass, li jagħtina direzzjoni ċara, morali, etika, li hija l-pedament ta’ ħajja soċjali fil-paċi u fil-ġustizzja bejnietna. L-awgurju tal-Eċċellenza Tagħha l-President, li din is-sena tkun aktar etika, aktar ekwa, aktar ġusta, joqgħod tajjeb f’dan il-lejl qaddis li fih aħna ninawguraw għalina din is-Sena tal-Ħniena fid-djoċesi tagħna.
Ejjew nitolbu għall-familji tagħna biex fosthom ikun hemm l-għożża, l-għaqda, il-fedeltà. Ejjew nitolbu għaż-żgħażagħ tagħna biex qatt ma jitilfu t-tama fil-futur li ħafna drabi aħna l-adulti nikkalpestaw għax jinteressana biss li ninqdew aħna. Ejjew nisimgħu l-leħen tat-tfal f’din is-Sena tal-Ħniena. Ejjew nagħtu leħen lil min m’għandux leħen, inkluż it-tarbija fil-ġuf mill-ewwel mumenti tal-eżistenza tagħha, meta tkun tissejjaħ embrijun.
Ejjew inkunu ta’ rispett, kif aħna l-Isqfijiet għidna wkoll fl-Ittra Pastorali ta’ dawn il-ġranet, meta nitkellmu fuq xulxin u anke meta nitkellmu fuq min għandu ġilda ta’ kulur differenti minn tagħna, jew ġej minn kultura differenti, jew minn reliġjon differenti. Is-Sena tal-Ħniena m’għandhiex tkun stedina biex aħna nħossuna okay, imma trid tkun sfida biex waqt li aħna ngħumu, nitgħammdu, fil-ħniena tal-Mulej, niftħu l-qalb tagħna beraħ għad-dinja u għall-umanità.
“Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon. Iżrael, semma leħnek, infexx fl-hena u ifraħ f’qalbek kollha, bint Ġerusalemm, għax il-Mulej neħħa minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik, il-Mulej għani fil-ħniena ħenn għalik” (Iżaija 12: 5-6).
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Photos: Curia Communications Office