Nhar il-Ħadd 1 ta’ Mejju, 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. inawgura Ċentru Parrokkjali ġdid f’Ħad-Dingli. Iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni taċ-ċentru li ġie ddedikat lill-Familja Mqaddsa saret fi tmiem Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla ċċelebrata fil-beraħ quddiem l-istess binja.
Dan iċ-Ċentru Parrokkjali għandu jgħin lill-parroċċa ta’ Ħad-Dingli taħdem f’ambjent aktar modern u spazjuz li jagħti ċ-ċans lill-għaqdiet tagħha jkunu ta’ servizz akbar għall-komunita’ kollha residenti fi ħdanha. B’investiment ta’ €300,000, dan iċ-ċentru jinkludi garaxx taħt l-art, l-uffiċċju parrokkjali, sala mdaqqsa, kappella, tliet kmamar għal laqgħat; kamra li ser tiġbor taħt saqaf wieħed l-arkivju parrokkjali, parlour u kċina.
Iċ-Ċentru Parrokkjali Familja Mqaddsa hu rigal mid-Dinglin tal-lum għad-Dinglin ta’ għada. Il-Kappillan ta’ Ħad-Dingli, Rev. Norman Zammit stqarr li bħalma l-knisja parrokkjali hija d-dar t’Alla u d-dar fejn jiltaqa’ l-poplu nisrani, ċentru parrokkjali huwa t-tieni dar tal-familja nisranija, fejn il-poplu nisrani jiltaqa’ u jitgħallem u jikber fl-imħabba tiegħu lejn Alla.