Vetustior Glorior
Fil-kunvent tal-Agostinjani tar-Rabat qed titħejja open weekend bit-tema Vetustior glorior: fidi, arti, kultura, storja. L-għan li għalih ser issir l-open weekend huwa doppju:
1. tkun opportunità, li l-pubbliku jkun jista’ jidħol u jżur post li normalment ikun magħluq għax huwa dar reliġjuża. Tkun opportunità kulturali fejn kull min jixtieq jista’ japprezza mhux biss il-wirt artistiku u arkitettoniku, iżda japprezza wkoll il-ħajja komunitarja tar-reliġjużi agostinjani, imsejsa fuq il-fidi.
2. It-tkomplija tar-restawr tal-faċċata maestuża tal-kunvent, mibni minn Andrea Belli fis-seklu XVIII. Fid-dħul ser tintalab donazzjoni b’riżq il-proġett ta’ restawr.
L-attività iġġib l-isem ta’ Vetustior glorior li huwa l-motto li matul iż-żmien ingħata lil dan il-kunvent: eqdem u aktar glorjuż. Għaldaqstant l-attivita ser tiffoka fuq l-apprezzament tal-fidi, l-arti, l-kultura u l-istorja li hemm maħżun f’dan il-kumpless. Biex dan jista’ jsir ser ikunu organizzati ammont ta’ żjarat iggwidati kull nofs siegħa (bl-ingliż f’12pm u fl-4pm). Dawn ser iżuru iż-żewġ sulari tal-kunvent, kemm fl-ambjenti storiċi, imma wkoll dawk li l-komunità agostinjana tuża llum. Għal dawk li japprezzaw l-arti ser ikun espost wieħed mill-pannelli tat-trittiku tas-seklu XV li jinsab fil-kunvent. Mil-aspett kulturali ser ikun hemm wirja fotografika u pittorika b’temi marbutin mal-istess kunvent. Is-Sibt fit-8pm ikun hemm kunċert korali fil-knisja minn The New Choral Singers.
Jiem u ħinijiet
Is-Sibt 14 ta’ Novembru: mill-10.00am sas-7.30pm. Kunċert korali fil-Knisja fit-8.00pm.
Il-Ħadd 15 ta’ Novembru: mill-10.00am sal-5.30pm.