-
-
Nhar is-Sibt, 29 ta’ April 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna jiċċelebra Quddiesa fl-okkazjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, fil-knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirara. Għal din il-Quddiesa ġew mistiedna l-għalliema tar-Reliġjon, kif ukoll membri tac-Chaplaincy Teams tal-iskejjel f’Malta.
-
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Knisja San Ġuzepp Ħaddiem, Birkirkara
29 ta’ April 2017
“Mulej int tgħallimni t-triq tal-ħajja” (S 15, 11). F’dan it-tielet Ħadd tal-Għid nixtieq insellem b’mod speċjali lill-għalliema li laqgħu l-istedina tal-parroċċa San Ġużepp Ħaddiem biex aħna u nibdew niċċelebraw il-festa patronali ta’ San Ġużepp Ħaddiem, nitolbu, b’mod speċjali, għal din il-kategorija ta’ professjonisti u ta’ ħaddiema.
“Mulej, inti tgħallimni t-triq tal-ħajja”. Dan is-Salm, is-Salm 15, jurina li t-titlu sabiħ tal-Mulej huwa propju ‘l-Imgħallem’. Huwa l-ewwel titlu li użat Marija Maddalena kif semgħet lill-ġennien, li dak li jieħu ħsieb il-ġnien, isejħilha b’isimha “Marjam” u hi qaltlu: “Rabbuni” (Ġw 20, 16), “Imgħallem”. Għaliex veru l-Mulej huwa dak li jgħallimna “tgħallmu minnu għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 29).
Nistgħu ngħidu li Ġesù ħareġ mill-iskola ta’ Ġużeppi ta’ Nazzaret. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jitkellem fuq ir-relazzjoni tiegħu mal-Missier u jitkellem fuq il-Missier bħala dak li għallmu kif għandu jagħmel. “L-Iben jaf lill-Missier u jagħmel dak li jara lill-Missier jagħmel”. Qed jitkellem fuq il-Missier tas-sema, Alla l-Imbierek, u jiena persważ li kien qiegħed jiftakar ukoll fis-sigħat ħelwin u sbieħ u twal li Ġesù għamel ma’ Ġużeppi jitgħallem is-sengħa tal-mastrudaxxa. Tant hu hekk li kien magħruf bħala “Ġesù bin Ġużeppi, il-mastrudaxxa”. U fl-Evanġelju ta’ San Mark, addirittura, jissejjaħ “Ġesù l-mastrudaxxa”.
Min jgħallem huwa xbieha tal-Imgħallem tal-Mulej, li jgħallimna t-toroq tal-ħajja
L-ewwel Insara, jgħidilna San Irinew fit-tielet seklu, jiġifieri fis-sena 200, fil-Palestina kienu għadhom jgħożżu b’imħabba kbira moħriet li kien għamel Ġesù. Kienu jgħożżu l-għodod, l-affarijiet li kien ħadem Ġesù bħala mastrudaxxa b’għożża kbira, l-ewwel relikwi, ma nafx jien jekk fid-dinja hemm xi biċċa mill-moħriet li għamel Ġesù, imma San Irinew jitkellem fuq din ir-relikwa li kienet frott ix-xogħol ta’ Ġesù Kristu.
Jiena nixtieq insellem lil kull min jgħallem għax min jgħallem huwa xbieha tal-Imgħallem tal-Mulej, li jgħallimna t-toroq tal-ħajja. L-Evanġelju tal-lum jagħtina ħjiel tal-pedagoġija tal-Mulej. L-ewwel nett hija pedagoġija, jiġifieri mod kif tgħallem, li għandu paċenzja kbira. Innutaw: hemm żewġ dixxipli, diġà semgħu bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, diġà semgħu, imma dawn qalu: “dawn ħrejjef tan-nisa, ħa mmorru ’l hemm għax dik se tikkomplika ruħha l-ħaġa, aħjar infarfru”. U jitilqu. U hu bil-paċenzja kollha jissieħeb magħhom. Għadhom ma għarfuhx. U jibda jgħidilhom: “Imma x’ġara?” (Lq 24, 19). Din il-mistoqsija, pedagoġija tal-mistoqsija: li inti toħroġ mill-qalb ta’ dak li jkun l-għerf li se jmexxih, għax “educare” tfisser ukoll li inti toħroġ mill-qalb tal-bniedem l-għajn tal-għerf. Wara kollox dik hija l-edukazzjoni: li inti tmexxi dak li hemm fil-bniedem u toħorġu biex isir konxju u jsir ukoll triq tal-ħajja.
Waħda mill-kriżijiet kbar tal-edukazzjoni llum hija li s-studenti, anke forsi għaliex imfissdin minn min missu jaf aħħar, ma jaċċettawx l-awtorità tal‑għalliema tagħhom
Jissieħeb magħhom fit-triq tagħhom, jilqagħhom bid-“depression” li kellhom ta’ nies li jgħidu; “wara kollox issa għaddew tlitt ijiem minn dan kollu u aħna ħa mmorru ’l hemm (ara v. 21). Hu jibda jispjegalhom. Huwa stess meta jerġgħu jirriflettu: “ma kinetx imkebbsa qalbna fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (v. 32). Jitkellem u jfisser!
Iżda l-pedagoġija mhux tal-paċenzja imma anke ta’ djalogu. Mhux tal-kundanna, ħin minnhom jgħidilhom: “imma kemm intom tqal biex tifhmu dak li qalu l-profeti” (v. 25), għaliex l-edukazzjoni ma tistax tinsa l-korrezzjoni, għax il-korrezzjoni hija l-imħabba fl-edukazzjoni. Min iħobbok jikkoreġik, jiftaħlek għajnejk. Waħda mill-kriżijiet kbar tal-edukazzjoni llum hija li l-istudenti, anke forsi għaliex imfissdin minn min missu jaf aħjar, ma jaċċettawx l-awtorità tal‑għalliema tagħhom u wisq inqas il-korrezzjoni mill‑għalliema tagħhom. U dan huwa diżastru, diżastru għas-sistema edukattiv: meta min irid jibqa’ jimxi mingħajr ma jiġi korrett jew korreġġut, jirbaħ, u min jipprova jagħmel xogħlu huwa kkastigat, imwarrab u persegwitat.
Insellem lil min jiddedika ħajtu f’sitwazzjonijiet mhux faċli għall-edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel tagħna
Din hija d-diżastru tas-sistema li ma tiffunzjonax għax il-pedagoġija ta’ Ġesù hija differenti; hija pedagoġija ta’ verità. Hija wkoll pedagoġija, mod ta’ tagħlim, li jirrispetta l-libertà ta’ dak li jkun imma. Ġesù jikkoreġi imma ma jimponix lilu nnifsu u dak huwa l-ħsieb ta’ meta huma u joqorbu “lejn ir-raħal fejn kienu sejrin, jagħmel ta’ birruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod” (v. 28). Dik is-sejħa tagħhom hija sejħa libera ħierġa mill-qalb ta’ min jixtieq ikompli jitgħallem. “Ibqa’ magħna, ibqa’ magħna għax issa sar ħafna ħin” (v. 29).
Jiena nsellem lil min jiddedika ħajtu f’sitwazzjonijiet mhux faċli għall-edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel tagħna. Hija espressjoni tal-libertà reliġjuża tal-ġenituri imma trid tirrispetta wkoll il-libertà reliġjuża tat-tfal. Imma trid tkun ukoll espressjoni ta’ din it-talba: “ibqa’ magħna”. Meta fid-diskors ma jkunx hemm iżjed post fl-iskola għal Alla, tieqaf din it-talba li jibqa’ magħna, imma aħna rridu nibqgħu ngħiduha bħala komunità Nisranija.
“Ibqa magħna!” u peress li kien hemm din l-istedina ħielsa, Ġesù jidħol biex joqgħod magħhom. U magħhom jidħol fl-intimità ta’ min jaċċetta din l-istedina, “jaqbad il-ħobż, jagħti l-barka, jaqsmu u jagħtihulhom” (ara v. 30) u jagħtihom il-grazzja li jinfetħulhom għajnejhom biex jaraw. U malli jgħarfuh ma kienx hemm bżonn iżjed li l-preżenza tiegħu tkun preżenza li tidher għax kienet biżżejjed li tkun preżenza li tinħass.
Aħna nitolbu li fl-iskejjel tagħna, fil-familji tagħna, fl-ambjenti kollha, il-preżenza ta’ Ġesù tkun preżenza li tinħass. Il-qalb imħeġga ġġgħal lil dawn id-dixxipli aħna nafuhom bħala ‘d-dixxipli ta’ Emmaws, jerġgħu jaqbdu t-triq lejn Ġerusalemm. Għalihom Ġerusalemm m’għadhiex il-belt tad-delużjoni, imma saret il-belt tal-ispirazzjoni. Jalla wkoll l-esperjenza edukattiva ma tkunx għall-għalliema u għall-istudenti esperjenza ta’ delużjoni imma esperjenza sabiħa ta’ ispirazzjoni.
“Sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien u dawn qalulhom: ‘il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!’. U huma wkoll” dawn iż-żewġ dixxipli, “tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (v. 33-35). Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-istudenti tagħna, huma u jirritornaw mill-iskola tal-ħajja, ikunu jistgħu jirrakontaw b’entużjażmu xi ġralhom fit-triq u “kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż”.
“Il-Mulej qam tassew u deher lil Xmun”. F’din l-espressjoni sabiħa tal-Għid hemm il-qawwa tal-qawmien u l-pedament tal-Knisja għax il-Mulej qam tassew u jrid jibni komunità. “Inti Xmun u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16, 18), il-komunità tiegħi. Il-Mulej qam tassew u deher lill-appostli, deher lil Xmun li ismu wkoll Pietru, minn “petra” jew inkella “kefa”, mill-kelma bl-Aramajk li tfisser blata.
Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej tal-qawmien tiegħu mill-imwiet u tal-fatt li bniena lkoll fuq din il-blata samma li hu l-Knisja. U nitolbu għal Franġsiku l-Papa tagħna li qed jirritorna lejn Ruma mill-vjaġġ li kellu fl-Eġittu, biex dak kollu li qal u li għamel, kemm mal-Misilmin u kemm mal-Insara Kopti, ma’ Insara Eġizzjani, kemm Ortodossi u kemm Kattoliċi, iħalli frott ta’ paċi u sliem.
-
-
Photos: Curia Communications Office
-
For more photos of the activities of The Church in Malta please visit: www.knisja.org/ritratti