Waqt il-programm The Handbook fuq RTK103, ġiet diskussa t-tixbiha tan-nagħġa l-mitlufa fejn Fr Josef Mifsud qal li wieħed żgur qatt ma jista’ jgħid li Alla qata’ qalbu minnu.
Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Fr Josef Mifsud u Daniela Borg. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.
Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew – Mt 18, 1-5.10.12-14
Għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili. Intom x’jidhrilkom? Jekk wieħed raġel ikollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fuq l-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfu. Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar”.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by George Cassar