L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:27). Aħna qegħdin nagħmlu din it-tifkira, biex nidħlu f’dan l-atteġġjament tad-dixxiplu l-maħbub; li jilqa’ għandu lil Marija ta’ Nazaret, il-mamà ta’ Ġesù. U niftakru fil-messaġġ li l-anġlu kien ta lir-raġel tagħha, lil Ġużeppi, meta f’mument ta’ diffikultà kbira għall-omm, li ħarġet tqila bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u riedet tispjega lil żewġha x’ġara. Tingħata l-għajnuna mingħand l-anġlu tal-Mulej, li lil Ġużeppi jgħidlu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tilqa’ għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20). Tibżax, tilqa’ għandek lil Marija. 

Il-Papa Franġisku jħobb jirrepeti l-istedina li ngħatat lil Ġużeppi, li aħna ċċelebrajna proprju ftit tal-jiem ilu; hi proprju li Ġużeppi jilqa’ lill-omm imma wkoll lill-Iben. Tilqa’ lill-omm imma qed tilqa’ lill-iben li qiegħda ġġorr. 

Id-dixxiplu ħdejn is-salib jirċievi l-istess stedina imma hi stedina reċiproka. Il-Mulej minn fuq is-salib iħares lejn dawn iż-żewġ persuni li Hu kien iħobb bi mħabba speċjali: lil ommu armla; għax Ġużeppi, it-tradizzjoni tgħidilna li kien miet, u ma jissemmiex iżjed fl-Evanġelju, wara li Ġesù jagħlaq 12-il sena. U jħares lejn dan id-dixxiplu, li l-Evanġelju ta’ San Ġwann, isejjaħlu dejjem bħala d-dixxiplu l-maħbub. Dawn iż-żewġ persuni, Ġesù iħobb ħafna, jafdahom lil xulxin. Lil ommu jgħidilha: “Hawn hu ibnek” (Ġw 19:26). U lid-dixxipli jgħidlu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Ir-relazzjoni mhijiex materna u filjazzjoni naturali, imma hi fuq livell spiritwali. Ġesù, minn fuq is-salib, jissostitwixxi familja ġdida, li għandha omm, Marija ta’ Nazaret; u lill-omm jagħtiha wlied ġodda, l-ewwel wieħed hu d-dixxiplu l-maħbub.

Mhijiex biss għażla ta’ bilfors dik ta’ Ġesù; speċi l-uniku tifel, u jrid jafda lil ommu ma’ xi ħadd. Għaliex l-Evanġelju ta’ San Ġwann stess jgħidilna, li “ħdejn is-salib ta’ Ġesù kien hemm ommu u oħt ommu” (Ġw 19:25). Kien hemm il-qraba, rappreżentanti tal-qraba tiegħu, minn Nazaret. Kellu lil min jafdaha lil ommu. Imma fuq is-salib, Ġesù ddeċieda li jafda lil ommu lill-familja ġdida tad-dixxipli, ta’ dawk li emmnu. U jkomplu jemmnu fih, anke fil-mument ta’ diffikultà kbira, għax id-dixxiplu l-maħbub, hu dak li jibqa’ ħdejn is-salib; waqt li l-oħrajn kollha, min ittradih u mar jiddendel, qed ngħid għal Ġuda, u l-oħrajn jaħarbu. Mhumiex hemm. Qed jinawgura l-familja ġdida tiegħu, f’mument ta’ kriżi totali, anke ta’ kriżi ta’ fedeltà fil-membri tal-familja ġdida. Imma lil ommu jafdaha lilhom. 

Din lilna tagħtina tama, għax aħna nħarsu lejhom, u ngħidu: lilna se jafda l-Mulej? Li nieħdu ħsieb lil ommu u lil ħutu? Għaliex, inti u tieħu ħsieb lill-omm, tieħu ħsieb ukoll lil uliedha. Bħalma għamel Ġużeppi, “Inti tibżax tilqa’ għandek lil Marija” (Mt 1:20). Ġwanni, l-isem tradizzjonali tad-dixxiplu l-maħbub, jilqa’ din l-istedina ta’ Ġesù, jieħu lil Marija għandu, imma magħha jieħu wkoll lill-aħwa ġodda ta’ Ġesù.

Aħna wkoll illum nagħmlu t-tifkira ta’ kull min fil-ħajja hu msejjaħ biex ikun qrib il-mard, it-tbatija fiżika u mentali, psikoloġika, spiritwali ta’ ħutu. Bħalma kienet Marija, ħdejn is-salib ta’ Binha. Ma kinitx waħedha, kien hemm ukoll id-dixxiplu l-maħbub, kien hemm tliet nisa oħra, fil-lista li jagħtina l-Evanġelju skont San Ġwann. Ma kinitx waħedha, imma aħna wkoll magħha. Għaliex Ġesù llum hu kull min qed ibati. Illum, fil-Jum tad-Duluri, jinstema’ wkoll il-leħen ta’ Ġesù li jgħid: “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). Għax “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). U allura, aħna u niftakru f’dan l-impenn, li nkunu qrib min hu fit-tbatija, bħalma kienet il-mamà ta’ Ġesù, qrib is-salib ta’ Binha. Aħna wkoll mhux biss nimpenjaw ruħna llum imma nitolbu li l-impenn ikun matul is-sena kollha. Għalhekk, illum hi wkoll festa ta’ min hu għaddej minn xi tbatija, u kull min qed jieħu ħsiebu. U nitolbu, biex kull min hu għaddej minn xi tbatija, isib lil xi ħadd li jifhmu, li jkun ta’ sapport, u li jurih simpatija u sostenn. 

Il-ħsieb tiegħi, qabel ngħaddu għat-talb tal-Knisja, hu għall-postijiet tad-dinja, fejn hemm inkwiet, ġuħ, inġustizzji, li qed joħolqu inkwiet, mard u mewt. B’mod speċjali qrib tagħna, l-Ukrajna, u anke l-Art Imqaddsa, il-Palestina u Iżrael. Aħna ma nistgħux inħarsu lejn dawn it-tbatijiet, u qalbna tibqa’ l-istess. Ejjew ma ninsewx ukoll it-tbatijiet li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum, fl-ambjenti tagħna. Nitolbu, li din il-festa tad-Duluri, li aħna niċċelebraw b’devozzjoni kbira, u l-purċissjonijiet li se nagħmlu llum, f’Malta u Għawdex, ikunu wkoll sinjal ta’ impenn; mhux biss wirja ta’ mħabba, u turija ta’ devozzjoni, imma impenn. Li aħna jkollna dejjem qalb tal-laħam għal xulxin, u qatt qalb iebsa, jew qalb tal-ġebel. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddies

L-Ewwel Qari: Ġer 20:10-13
Salm: 17 (18):2-3a,3bċ-4,5-6,7 
L-Evanġelju: Ġw 10:31-42

Ritratti: Newsbook – Miguela Xuereb