L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kien riesaq lejn Ġeriko” (Lq 18:35). Dawn il-kelmiet, f’din il-ġrajja tal-lum, ifakkruna fil-parabbola li kien qal Ġesù, fl-Evanġelju skont San Luqa, fuq is-Samaritan it-Tajjeb. Hemmhekk ukoll insibu lil xi ħadd li kien sejjer lejn Ġeriko (ara Lq 10:30), u spiċċa vittma tal-ħallelin; imbagħad għaddew tnejn min-nies, il-qassis u l-levita, u għaddew mill-ġenb, baqgħu sejrin, imma s-Samaritan – li aħna nsejħulu “it-tajjeb” – waqaf, ra x’kellu bżonn dal-bniedem, u għenu biex jerġa’ jieħu l-ħajja mill-ġdid. Hawn, fl-istess triq lejn Ġeriko, naraw lil Ġesù li jagħmel il-ġid, li jieqaf jgħin lil xi ħadd fil-bżonn.

Ħa nħarsu lejn dan il-bniedem għama, lejn in-nies, u lejn Ġesù. L-ewwel nett, dal-bniedem għama li kien, kif smajna fl-Evanġelju, “mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità” (Lq 18:35). Dal-bniedem kien għaddej minn żmien diffiċli. Mhux biss ma setax jara, imma kien dipendenti fuq l-oħrajn. Kellu bżonn l-għajnuna biex jgħix, jittallab il-karità. Imma kien bniedem ta’ fidi. Fil-fatt,  kif sema’ fuq Ġesù, mal-ewwel beda jgħajjat: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” (Lq 18:38) U kien bniedem ta’ rieda soda, ta’ determinazzjoni. Fil-fatt, beda jgħajjat, u kif in-nies bdew iċanfruh, isikktuh, l-Evanġelju jgħid li aktar beda jgħajjat. Għax hu ried lil Ġesù biex jgħinu. Kellu l-fidi msieħba ma’ din id-determinazzjoni qawwija li jasal għand Ġesù, u li Ġesù se jfejqu. Fil-fatt, Ġesù nnifsu jgħidlu fl-aħħar: “il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 18:42).

Ħa nħarsu lejn in-nies – il-folla, il-kotra ta’ nies – li kienet miexja ma’ Ġesù, imma għalihom dal-bniedem għama, li kien qed jittallab il-karità, ma kien jiswa xejn. Mal-ġenb tat-triq kien u, li kien għalihom, almenu għal ħafna minnhom, mal-ġenb tat-triq kienu jħalluh. Fil-fatt, flok għenuh, kif semgħuh jgħajjat, flok qalu “hawn bniedem fil-bżonn, ħa nressquh lejn Ġesù”, l-Evanġelju jgħid li bdew “iċanfruh u jsikktuh” (Lq 18:39). Riedu li sempliċiment jibqa’ hemm u huma jibqgħu għaddejjin ma’ Ġesù. Il-folla ta’ nies kienet ta’ ostaklu għal dal-bniedem biex jasal għand Ġesù. Kienet dik li ttellef il-ġid, flok li tgħin lil bniedem li għandu bżonn l-għajnuna, biex isib min jagħmillu l-ġid. Dan lilna jgħallimna ħafna. Li aħna qatt ma għandna niddependu fuq x’jaħsbu l-oħrajn, biex minn hemm nieħdu x’għandna nagħmlu aħna, qisu n-nies dejjem għandhom raġun. Hawn min jgħid hekk: “in-nies dejjem għandhom raġun”. Mhux veru. Dejjem hemm raġuni għaliex jaħsbu kif jaħsbu, dik iva, hemm raġuni, imma mhux għandhom raġun. Li kien għal dan-nies, lil dal-bniedem ħallewh hemm. Jittallab kien, jittallab kien jibqa’. Ma kellhomx raġun dan-nies!

Ħa nħarsu lejn Ġesù, li dejjem narawh jagħti attenzjoni mhux biss lill-folla tan-nies, bħalma kien jgħallimhom, u anke jipprovdilhom l-ikel fejn meħtieġ, imma anke għal persuni individwali, għax għalih kull ħajja umana hi għażiża. U fejn hemm bżonn, jieqaf, kif smajna fl-Evanġelju. Ġesù, kif semgħu jgħajjat, “waqaf” (Lq 18:40). U x’għamel Ġesù? Flok hu resaq lejh, qal lin-nies biex lil dal-bniedem iressquhulu quddiemu – “ordna li jressquhulu quddiemu” (Lq 18:40). Għaliex? Biex dan-nies, li l-ewwel reazzjoni tagħhom kienet li jċanfru u jsikktu lil dal-bniedem, issa jitgħallmu li mhux hekk għandhom jagħmlu. Xi ħadd fil-bżonn għandhom iressquh lejn Ġesù, mhux ikunu ostaklu biex jasal għand Ġesù.

Ressquhulu quddiemu. Imbagħad hemm dak id-djalogu verament sabiħ fejn Ġesù jistaqsih x’irid, u jgħidlu “li nara” (Lq 18:41). U jgħidlu: “Ara, iva, il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 18:42). Kemm hi ġrajja sabiħa li turina dejjem il-qalb mimlija mħabba, kompassjoni, għajnuna lil dawk li huma fil-bżonn – dil-qalb ta’ Ġesù!

L-Evanġelju jispiċċa verament b’mod sabiħ. Jurina li dal-bniedem li fieq “jagħti glorja lil Alla” (Lq 18:43). U n-nies – “il-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla” (Lq 18:43). Kemm hu sabiħ meta għandek dan it-tifħir lil Alla, il-glorja lil Alla, proprju frott ta’ dan il-miraklu sabiħ li għamel Ġesù, dil-ħajja ġdida li ta Ġesù lil dal-bniedem! Huwa innu ta’ tifħir lil Alla. Ejjew lill-Mulej illum infaħħruh, nagħtuh glorja, nirringrazzjawh, u nitolbuh li aħna dejjem nifhmu kemm għandu qalb mimlija mħabba lejna, u jagħtina qalb tixbah lil tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju