Fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Komunità tad-Dar tal-Kleru flimkien mal-Komunità Agostinjana raddew ħajr lil Alla f’għeluq il-75 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Patri Ġulju Bonnici.

Huwa qed jiċċelebra l-Ġublew tad-Djamant bħala 75 sena saċerdot ta’ Kristu u l-Knisja. Il-fotografa ta’ Newsbook Malta Miguela Xuereb kienet preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni ċkejkna li wara l-quddiesa kienet segwita mill-qtugħ tal-kejk.

Mill-esperjenza tiegħu, huwa għamel kuraġġ lil kull min qed jaqta’ qalbu mill-ħajja għaliex minkejja li l-ħajja fiha t-tlugħ u nżul tagħha, hija sabiħa!

Patri Ġulju twieled il-Belt Valletta kważi mitt sena ilu u beda n-novizzjat fl-Ordni ta’ Santu Wistin fit-23 ta’ Novembru 1941. Sena wara imbagħad għamel il-Professjoni Sempliċi tal-Voti tal-Faqar, il-Kastità u l-Ubbidjenza. Dakinhar beda jgħix il-konsagrazzjoni reliġjuża u hekk għamel għal dawn l-aħħar 83 sena.

Patri Ġulju kien ordnat Saċerdot fil-Konkatidral ta’ San Ġwann nhar il-25 ta’ Marzu 1950 flimkien mal-kumpann tiegħu fil-formazzjoni il-mibki Patri Prospero Grech li aktar tard kien laħaq Kardinal. Tul is-snin huwa għex il-ministeru saċerdotali tiegħu f’diversi realtajiet, fosthom f’Ħal Tarxien, f’San Ġiljan, fil-Kulleġġ Santu Wistin, fl-Istati Uniti, u għal bosta snin fil-Belt Valletta. P. Ġulju, li huwa l-aktar saċerdot anzjan f’Malta, illum jinsab rikoverat fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara.

F’isem Newsbook Malta u RTK103 nawgurawlu l-isbaħ xewqat ta’ saħħa u paċi tal-qalb u tar-ruħ.

Minn Gabriel Lia

Sors: Newsbook Malta