Il-Maratona Oħloq Tbissima, maratona ta’ 60 siegħa xandir live b’risq is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), għadha kif intemmet.
Is-sittin siegħa kienu mimlija attivita. Il-pubbliku ipparteċipa f’quddies, rużarju u mumenti oħra ta’ talb. Segwa wkoll filmati esklussivi, djalogu dirett mal-missjunarji permezz ta’ Skype, diskussjonijiet, interviszi mal-voluntiera li akkumpanjaw lil-President ta’ Malta Dr. George Abela fl-esperjenza missjunarja fil-Peru fix-xahar ta’ Lulju, Rokna għat-tfal, Musichiere, Il-Festival Żifna mal-Istilel u diversi varjetajiet immirati biex jolqtu l-gosti tal-familja kollha, fejn wieħed seta’ japprezza l-livell għoli tat-talent Malti u Għawdxi.
Marthese Brincat f’messaġġ li wasslet għall-eqħluq irringrazzjat lil kull min b’xi mod jew ieħor ipparteċipa u ħadem biex din il-maratona setgħet tkun possibli. Hija fissret kemm il-kontribut ta kull persuna huwa uniku u jgħin il-maratona tkun waħda ta’ suċċess kif reġgħet kienet din is-sena.
Fil-kelmtejn ta’ l-egħluq Fr. Louis Mallia mssp irringrazzja mill-qalb lil kull min ta s-sehem tiegħu biex din il-Maratona għal sena oħra reġgħet kienet esperjenza sabiħa u ta’ suċċess. Huwa qal li din is-sena nħoloq pont bejn il-Voluntiera li ta’ kull sena jgħinu f’din il-Maratona u l-Voluntiera li marru l-Peru mal-President. Kif spjega Fr. Louis, is-sabiħ hu li lkoll konna qed naħdmu għal għan wieħed. Huwa żied jgħid kemm hu importanti li kulħadd iżomm f’qalbu l-paċi li tagħti din l-attivita’.
Il-Maltin u l-Għawdxin għal darb’oħra reġgħu wrew l-appoġġ tagħhom billi taw donazzjonijiet u b’hekk intlaħħqet iċ-ċifra sabiħa ta’ €183,441.63 li tħabbret fi tmiem il-Maratona, li ntemmet bl-innu Oħloq Tbissima.
Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq:
€10 51602004
€15 51702007
€25 51802009
SMS €4.66 50618099
Il-linji tat-telefon jibqgħu miftuħin sal-15 t’ Awwissu.
Photos by: DOI – Saviour Cassar