Illum il-Ġimgħa 12 ta’ Lulju f’nofsinhar, bdiet il-11-il edizzjoni tal-Maratona Oħloq Tbissima.

Din hi maratona ta’ 60 siegħa xandir live mtella’ minn ĊAM Productions international (CPi), il-Production House fi ħdan is-Socjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), bil-għan li titqajjem kuxjenza missjunarja filwaqt li jinġabru fondi b’risq il-missjonijiet fdati f’idejn il-patrijiet tal-MSSP fil-Peru, Pakistan u Filippini, kif ukoll għad-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera u għax-Xandir tal-Kelma permezz tal-media.

Il-maratona [iet inawgurata mill-President ta’ Malta, Dr. George Abela u L-Eċċellenza tiegħu Arċisqof Mons. Paul Cremona. Se jingħata wkoll messaġġ ta’ merħba minn Fr. Louis Mallia mssp, Superjur Regjonali tal-MSSP u direttur taċ-Ċentru Animazzjoni Missjunanrja(CAM) u ĊPi.

F’1.15pm ikun hemm il-quddiesa tal-ftuħ. Ta’ min jgħid li fit-3.00pm tibda r-Rokna WOW – varjeta’ mit-tfal għat-tfal bis-sehem ta’ kantanti, kumpaniji taż-żfin, korijiet u maġija. Fil-5.35pm Ray Calleja jippreżenta l-Quiż Staqsini 20 bis-sehem ta’ atturi. Fis-7.05pm tibda’ l-ewwel serata tal-Kompetizzjoni ‘Din isbaħ mill-oħra!’ ippreżentata minn John Suda, bil-parteċipazzjoni ta’ atturi u personalitajiet magħrufa. Fit-8.00pm tibda kompetizzjoni oħra bl-isem Żifna ma’ l-Istilel – kompetizzjoni taż-żfin bejn żeffiena professjonali u atturi u kantanti. Il-varjeta’ ta’ filgħaxija tibda fid-9.00pm u tibqa’ sejra sa’ nofsillejl. Ta’ min jgħid li din is-serata ser tkun ippreżentata minn Stephanie Spiteri, Ryan Borg u Marica Caruana Smith.

Il-programm varjat ma jaqtax u matul il-lejl, f’00.30am ikun hemm quddiesa. F’4.00am jingħad ir-rużarju u f’6.00am ikun hemm quddiesa oħra u f’7.00am jibda l-breakfast show.

Is-Sibt filgħodu fl-10.00am se jżuru l-maratona l-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat, Il-Kap tal-Opożizzjoni Dr. Simon Busuttil u xi Membri Parlamentari, fejn se jimlew hampers bl-ikel biex jintbagħtu l-Peru permezz ta’ kontejner.

F’10.20am tibda r-rokna ta’ talent żagħżugħ, f’nofsinhar tibda l-logħba Musichiere, u fis-12.55pm tibda l-logħba Rebħa kull Minuta. Imbagħad fis-1.55pm jibda l-quiz Staqsini 20 ippreżentat minn Ray Calleja. Fit-3.00pm tibda r-Rokna tat-Tfal bl-isem WOW u aktar tard fil-5.35pm tibda l-kompetizzjoni għall-aħjar ċajta bl-isem Din Isbaħ mill-oħra.

Imbagħad fil-6.30pm tibda r-rokna tal-Bands u fit-7.50pm il-kompetizzjoni taż-żfin bl-isem Żifna mal-Istitlel. Fid-9.00pm imbagħad tibda l-varjeta’ ta’ filgħaxija bil-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-aqwa kantanti u żeffiena lokali. Din is-serata ser tkun ippreżentata minn Valerie Vella, Claire Agius Ordway u Jean Claude Micallef. Din il-varjeta tibqa’ sejra sa nofsillejl.

Mal-lejl jerġgħu ma jaqtgħux l-attivitajiet. Fin-00.30am tiġi ċċelebrata quddiesa, wara jkun hemm diskussjoni u f’4.30am Rużarju. Fis-6.30am jibda Breakfast Show ippreżentat minn Marthese Brincat.

F’9.00am tiġi ċċelebrata quddiesa oħra li tixxandar fuq TVM 2, ONE TV, NET TV u Favourite TV. F’10.15am jibda l-quiz Urini x’taf! – quiz bejn il-membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra. Ir-Rokna Żgħażugħa tibda f’11.15am u fis-2.00pm jibda l-quiz Staqsini 20 ippreżentat minn Frank Zammit. Imbagħad fit-3.00pm tibda l-varjeta’ WOW imtella minn korijiet, żeffiena u kantanti ċkejknin. Imbaghad fil-5.35pm tibda l-logħba Musikiere u fis-6.30pm siltiet minn DREAMS. Fis-7.50pm tibda l-Finali tal-Kompetizzjoni Żifna mal-Istilel.

Fid-9.00pm tibda l-aħħar serata ta’ Varjeta’ ippreżentata minn Joseph Chetcuti, Janice Darmanin u Keith Demicoli. Serata oħra bil-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-aqwa talent Malti.

F’diversi ħinijiet waqt il-Maratona jkollna ċ-ċans naraw filmati li juru l-ħidma li titwettaq fid-Dar ta’ San Ġużepp, fil-Peru, fil-Pakistan u fil-Filippini kif ukoll ser isiru kollegamenti diretti bl-Skype fejn ser inkunu nistgħu niltaqgħu mal-missjunarji.

Matul il-maratona ser ikun hemm diversi kollegamenti ma’ Favourite TV, TVM 2 , NET TV u ONE TV. Ta’ min isemmi wkoll li din il-Maratona ser tkun kollha kemm hi streamed live fuq il-website ta’ ĊAM Productions international: www.camcpi.org

Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq:

€10 – 51602004

€15 – 51702007

€25 – 51802009

SMS – €4.66 – 50618099