Id-disa’ edizzjoni tal-maratona “Oħloq Tbissima” din is-sena se tkun organizzata bejn it-8 u l-10 ta’ Lulju 2011. “Oħloq Tbissima”  għandha l-għan uniku li tqajjem kuxjenza missjunarja u tiġbor fondi b’risq il-ħidma li s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) għandha fil-Perù, fil-Pakistan, fil-Filippini u anki hawn Malta fid-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera.

Kelliem għall-MSSP qal lil IL-ĠENSillum online li fil-Perù, is-saċerdoti missjunarji jieħdu ħsieb diversi parroċċi, fejn minbarra x-xogħol pastorali u spiritwali, huma jagħtu għajnuniet bażiċi bħal ikel u ħwejjeġ. Huma jieħdu ħsieb ukoll dar residenzjali li tilqa’ fiha numru ta’ tfal, iżuru l-anzjani u l-morda, joffru edukazzjoni lit-tfal, jieħdu ħsieb kċejjen pubbliċi u anki joffru servizzi mediċi f’ċentri tas-saħħa.

Ta’ min isemmi li bħalissa hemm proġett ieħor għaddej, fejn fil-parroċċa li jieħdu ħsieb f’Arequipa, in-nies qed jitilqu mill-oqsma fejn trabbew u għexu s’issa u jinżlu ’l isfel mill-muntanji jfittxu x-xogħol, bit-tama ta’ għajxien aħjar. Għalhekk, il-missjunarji qed jieħdu ħsieb jibnu djar żgħar, b’żewġ kmamar kollox, sabiex il-familji li jiġu jkollhom saqaf fuq rashom u l-bżonnijiet bażiċi biex jgħixu u jrabbu l-familji tagħhom.

Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com