Dalwaqt terġa tkun magħna l-Maratona Oħloq Tbissima – il-Maratona ta’ 60 siegħa xandir live imtella’ minn ĊAM Productions international (CPi), il-production house fi ħdan is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP). Din is-sena Oħloq Tbissima ser tibda nofsinhar tat-8 ta’ Lulju u tibqa sejra bla waqfien sal-Ħadd 10 ta’ Lulju f’nofsillejl.
Din il-Maratona, din is-sena fid-disa’ edizzjoni tagħha, issa ndrat sew u ħafna jafu li l-għan ta’ din il-maratona hu li titqajjem kuxjenza missjunarja, filwaqt li jinġabru fondi b’risq il-missjonijiet fi ħdan is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), fil-Filippini, fil-Peru u fil-Pakistan, kif ukoll b’risq Dar San Ġużepp f’Santa Venera.
Fil-Filippini, il-missjunarji jwettqu ħidma spiritwali u pastorali, kif ukoll iħejju programmi ta’ edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ u jmexxu anke feeding programme fejn jitqassam ikel sustanzjuż f’diversi żoni, sabiex it-tfal jingħataw ikla sustanzjuża kuljum.
Fil-Peru, l-missjunarji jieħdu ħsieb diversi parroċċi, fejn minbarra x-xogħol pastorali u spiritwali, huma jagħtu saqaf lill-familji fil-bżonn filwaqt ukoll li jagħtu għajnuniet bażiċi bħal ikel u ħwejjeġ. Huma jieħdu ħsieb kċejjen pubbliċi, joffru servizzi mediċi f’ċentri tas-saħħa, jieħdu ħsieb dar residenzjali li tilqa’ fiha numru ta’ tfal, jżuru l-anzjani u l-morda, u joffru edukazzjoni lit-tfal fost xogħol ieħor.
Fil-Pakistan, il-ħidma missjunarja hija l-aktar fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. Il-missjunarji konxji mid-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-insara kuljum, anke d-diffikulta’ li jsibu xogħol. Huma joffru edukazzjoni tajba lit-tfal ta’ dawn il-familji bit-tama li dawn ikollhom futur aħjar.
Lokalment, fost il-ħidma kontinwa li ssir fid-Dar ta’ San Ġużepp, li tilqa’ fiha subien li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jgħixu fil-familja naturali tagħhom, bħalissa qed isir xogħol fuq proġett msejjaħ ‘Independent Living Project’, fejn qed tiġi rranġata parti minn din id-dar biex tkun tista’ tibqa’ tilqa’ fiha subien residenti li jagħlqu s-sittax il-sena.
Din is-sena l-Maratona ser tiġi inawgurata mill-President Dr. George Abela. Għall-ftuħ tal-Maratona ser jipparteċipaw żewġt itfal li ser jgħinuna niffukaw fuq il-bżonnijiet tat-tfal kemm f’Malta kif ukoll fil-missjonijiet.
Għal darb’oħra, l-programm huwa varjat bil-għan li jolqot lil nies ta’ kull eta’. Il-bitħa ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera, se jixxandar programm imżewwaq b’mumenti ta’ talb, quddies, features, diskussjonijiet u spettaklu mill-aqwa bil-partiċipazzjoni ta’ l-aqwa talent lokali.
Fil-jiem tal-Maratona l-missjunarji Fr. Frank Cortis mssp, missjunarju fil-Peru, Maris Camilleri, missjunarja lajka li ilha għal diversi snin fil-missjoni tal-Peru, u Fr. Pierre Bonnici mssp, missjunarju fil-missjoni tal-MSSP fil-Pakistan, ser jitkellmu dwar il-ħidma tagħhom u l-esperjenzi u r-realtajiet li ħabbtu wiċċhom magħhom kuljum.
It-telespettaturi u dawk preżenti ser ikunu jistgħu jaraw ukoll diversi features dwar il-missjoni tal-Peru, kif ukoll diversi features oħrajn b’footage ġdid mill-Filippini u mill-Pakistan.
Ta’ min isemmi li s-Sibt filgħodu fl-10.00 ser iżuru l-Maratona l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Joseph Muscat u l-Ministru Dolores Cristina Huma ser jieħdu sehem f’attivita fejn ser jimlew xi hampers bl-ikel biex jintbagħtu l-Peru permezz ta’ kontejner.
Il-Ħadd filgħodu fid-9.00 tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Fl-aħħar tal-quddiesa ssir attivita’ fejn il-kaxxi li jkunu ntlew bl-ikel jinġarru għall-kontejner li jkun qiegħed qrib id-Dar ta’ San Ġużepp ħalli mbagħad, ftit jiem wara jintbagħat il-Peru. Din il-quddiesa ser tkun qed tixxandar fuq TVM, NET TV, ONE TV, Favourite TV u Education 22.
Wieħed jista’ jsemmi li l-attivitajiet jinkludu l-logħba Musichiere u l-logħba Charades bil-parteċipazzjoni ta’ diversi atturi lokali. Ma tonqosx ukoll ir-rokna tat-tfal bil-maġija, zfin u korijiet. Ser ikun hemm ukoll rokna taż-żgħażagħ fejn ser naraw it-talent żgħażugħ kemm fil-kant kif ukoll fiż-żfin. Il-programm jinkludi wkoll Song Festival, fejn atturi popolari jaqsmu magħna t-talenti mużikali tagħhom. Ta’ min jgħid ukoll li matul dawn is-60 siegħa ta’ xandir, diversi bands lokali ser ikunu qed jipparteċipaw u jagħtu l-kontribut tagħhom.
L-ispettakli ta’ filgħaxija, għal sen’oħra għandhom jerġgħu ikunu mimlijin daqs bajda b’kant, żfin u divertiment minn personalitajiet, kantanti u żeffiena stabiliti. Ta’ min insemmu wkoll li għal darb’oħra din is-sena ser jerġa jingħaqad magħna u jagħti l-kontribut tiegħu il-tenur Malti ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja.
Il-Pubbliku huwa mħeġġeġ biex jipparteċipa f’din il-Maratona, kemm billi jagħti d-donazzjoni tiegħu, kif ukoll billi jżur l-attivita’ f’Santa Venera. Is-60 siegħa tal-maratona ser ikunu qed jixxandru fuq Education 22, b’diversi kollegamenti ma’ TVM, NET TV, ONE TV u Favourite TV.
Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq:
€10 51602004
€15 51702007
€25 51802009
SMS €4.66 50618099