L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-Kittieba li kienu l-esperti tal-liġi — qishom l-avukati — fi żmien Ġesù kellhom problema kbira. Kien hemm ħafna liġijiet u d-domanda l-iżjed importanti kienet: imma liema hi l-aqwa liġi?
B’xi mod, fis-sistema tagħna llum m’għandux ikollna problema. L-aqwa liġi fil-pajjiż hija l-Kostituzzjoni. Imma d-domanda li dan il-kittieb jagħmel lil Ġesù hija domanda kostituzzjonali. Liema hi l-aqwa liġi? Fuq liema liġi jinbnew il-liġijiet kollha? (ara Mk 12:28). Ġesù jirrispondi, biex niġbru kollox f’kelma waħda, bil-kelma ‘mħabba’. Għal Ġesù, il-qofol, il-pedament, il-bażi ta’ kull liġi hija l-imħabba.
Irrid insellmilkom, għeżież membri tal-Forzi Armati, u nistedinkom tkomplu tagħtu xhieda ta’ din il-liġi fundamentali li tagħmel lil bniedem tassew bniedem, li tagħmel lil kull wieħed minna, kif aħna ngħidu bil-Malti, nies. Jekk trid tkun nies, mexxi kollox, ibni kollox, u fassal kollox fuq l-imħabba. Imma din il-kelma faċli tgħidha. Biex tgħixha nafu kemm hi iebsa. Anke għaliex mhux biss is-superjuri tagħkom, mhux biss min għandu s-setgħa u l-awtorità fl-Armata, imma kull wieħed u waħda minnkom taffaċċjaw mumenti fejn l-ubbidjenza trid tfisser att ta’ mħabba lejn il-pajjiż, lejn id-demokrazija tagħna, u lejn id-dinjità ta’ kull persuna li tiltaqgħu magħha u taqdu.
… nistedinkom tkomplu tagħtu xhieda ta’ din il-liġi fundamentali li tagħmel lil bniedem tassew bniedem
Aħna kburin bikom meta tiddedikaw u tirriskjaw ħajjitkom f’missjonjiet ta’ salvataġġ, dak kollu li hemm bżonn isir għal-protezzjoni ċivili, għas-sikurezza tal-pajjiż. Nafu u napprezzaw ukoll kemm għandkom ħidma iebsa biex tiggarantixxu s-sigurta tal-ibħra territorjali tagħna u tkunu ta’ servizz ukoll għall-bnedmin li fihom u fiż-żoni ta’ tiftix u salvataġġ, li tagħha pajjiżna hu responsabbli. F’dak l-ambjent enormi li jieħu biċċa kbira mill-baħar ċentrali tal-Mediterran, intom tkunu ta’ servizz għall-umanità u xhieda li dak kollu li nagħmlu huwa mibni fuq l-imħabba.
Għaliex l-imħabba vera ma tħarisx lejn l-uċuħ; l-imħabba vera tesprimi ruħha wkoll fir-rispett lejn id-doveri li pajjiżna għandu quddiem il-liġi internazzjonali u l-liġi bażika umanitarja. Wara kollox, ahna bid-dritt nesigu s-solidarjetà tal-pajjizi Ewropej, imma l-garanzija tat-talba taghna hija intom – li meta jkun hemm sitwazzjoni ta’ periklu ghal xi hadd tkunu l-ewwel li xxammru l-kmiem u taghmlu dak kollu necessarju biex tkunu ta’ ghajnuna.
Nifhmu li għalina faċli ngħidulkom x’għandkom tagħmlu minn wara xi skrivanija. Meta l-Brigadier stedinni ngħaddi ġurnata magħkom, ma nafx kemm domt ġranet inħoss il-qtugħ ta’ laħam fil-muskoli u nipprova nistrieħ mill-battikata li ħadt. Imma dik hija l-ħobżna ta’ kuljum tagħkom. Aħna rridu nurukom l-apprezzament tagħna waqt li nitolbukom tkomplu tkunu wkoll xhieda tal-valuri fundamentali li fuqhom hija mibnija r-Repubblika ta’ Malta, l-istituzzjonijiet tagħna, ta’ min jaqdi mingħajr ma jħares lejn l-uċuħ, ta’ min jaqdi billi jħares qabel xejn lejn il-kuxjenza tiegħu.
Bħalma jgħallimna l-Appostlu Missierna San Pawl, hemm bżonn nobdu lill-awtoritajiet tagħna. Pawlu kontinwament jifhem li l-awtorità qiegħda hemm biex tesprimi u tagħżel it-tajjeb u meta tagħti l-ordnijiet, dak li jkun ikollu qalbu tgħum fil-paċi, għax mhux qed jagħti ordni żbaljata, kiefra jew inkella li mhijiex tajba. Għandna bżonn noqogħdu għall-awtoritajiet u l-Armata hija korp dixxiplinat. Il-lealtà u l-ubbidjenza huma s-sinsla tad-dixxiplina tal-Armata. Għandna bżonn din il-garanzija: li kull ordni tkun ġejja minn għażla ċara tat-tajjeb u li twarrab kull dell ta’ ħażen.
Għalhekk, nappellalkom li fil-kliem ta’ bejnietkom u fuq kull livell ieħor tevitaw preġudizzji partiġġjani u razzisti.
Għalhekk, nappellalkom li fil-kliem ta’ bejnietkom u fuq kull livell ieħor tevitaw preġudizzji partiġġjani u razzisti. Dawn huma l-velenu li jħassar kull servizz ċiviku lejn ir-Repubblika għaliex mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Kliemkom irid ikun kliem ta’ mogħdrija, kliem ta’ tolleranza u kliem ta’ solidarjetà, biex il-fatti li tixhdu għalihom ikunu wkoll mera għalina.
Nirringrazzjawkom talli meta nħarsu lejkom, inħossuna siguri. Għandna bżonn li meta nħarsu lejkom, nifhmu li dak li ma nistgħux nagħmlu aħna biex ngħinu lil min hu fil-bżonn, se tagħmluh intom f’isimna. Nirringrazzjawkom tal-sforzi kollha li dan ifisser, kemm għalikom personali kif ukoll għall-familji tagħkom. Nixtieq nieħu l-opportunità biex insellem lill-familji tagħkom għax jekk hemm xogħol li lil min iħobbkom iżidlu ftit ansjetà li forsi ħaddieħor m’għandux, huwa proprju x-xogħol tagħkom. It-tifel, il-maħbub, ir-raġel, il-maħbuba, il-mara li toħroġ għax għandha xogħol fl-Armata. Min iħobbkom jaf li hemm ir-riskju. F’din il-festa tal-anġli kustodji mhux biss nixtiequ nitolbu għalikom, li intom imsejħa tkunu l-kustodji tas-sikurezza tagħna, imma nitolbu wkoll li jkollkom kull protezzjoni u kull qawwa mis-sema.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta