Dan l-aħħar kelli grazzja kbira li nkun Praga. Mort għax-xogħol tat-tmintax-il konsultazzjoni tal-Kappillani Ewropej. It-tema ta’ din il-konferenza kienet tabilħaqq attwalissma: “Tkun Kappillan fl-Isptar: Tibqa’ preżenti u attiv/a f’dinja fraġli”.
Jekk il-ħajja stess saret sptar, għax il-fraġilità u l-vulnerabilità jinstabu kullimkien, allura kull sitwazzjoni titlob dik il-kompassjoni ta’ Kristu. Wara kollox, jekk ma nurux ħniena ma’ xulxin billi nisimgħu naqra d-dwejjaq ta’ xulxin, għiduli intom x’ħajja nkunu qed ngħixu? Il-kumditajiet waħedhom ma jistgħux jagħtuna dik l-imħabba tal-qalb li qalb li taf tisma’ biss tista’ tagħti.
Għandna missjoni
Minn din il-konferenza Ewropea tal-kappillani fl-isptar, l-ewwel waħda li mort u ħadt sehem bis-sħiħ f’għoxrin sena li l-Mulej s’issa tani l-grazzja li naħdem bħala kappillan fl-isptar, ħaġa tgħallimt: Kemm għandna bżonn nikkultivaw dil-missjoni li nisimgħu lil xulxin.
Niftehmu: kulħadd għandu xi storja x’jirrakkonta. Ta’ min imlewna mod u ta’ min imlewna mod ieħor. Hu x’inhu l-każ, ilkoll imsejħa li nagħmlu ħilitna ħalli nkunu hemm għal xulxin. Fil-laqgħat li kellna qalulna li fir-Repubblika Ċeka ma tantx hemm nies li jemmnu bħalna. Li ħafna minnhom ma jemmnux. Imma kif tista’ tgħid li dan hu minnu meta l-knejjes fiċ-Ċentru ta’ Praga jkunu mballati bin-nies għall-quddiesa tal-Ħadd? Jagħmel sens li ngħid hekk?
Hu x’inhu l-każ ħaġa toħroġ ċara: Hemm bżonn li nkunu preżenti għal xulxin waqt il-bżonnijiet tagħna. Għax jekk dan ma nagħmluhx allura la nkunu qed ngħixu ta’ bnedmin u wisq anqas ta’ persuni spiritwali kif, u wara kollox, l-eżiżtenza tagħna l-bnedmin minnha nnifisha titlobna li ngħixu.
Praga
Fil-programm tal-konferenza kellna l-waqt fejn dawruna dawra ta’ ftit sigħat fi Praga. Matul it-traġitt tagħna fiċ-ċentru tal-Belt fejn konna qegħdin u anki mill-mixjiet li għamilna fiha bħala grupp, Praga toffri faxxinu waħdieni u li hu marbut magħha.
Waqt l-ispjegazzjoni li ngħatatilna tul il-mixja tagħna ntqalilna li Praga hi magħrufa għaċ-ċentru kulturali tagħha. Mill-informazzjoni li ksibt ġie mitqal lilna li Wolgang Amadeus Mozart għex f’dil-Belt sabiħa. Intqalilna wkoll li dal-ġgant Awstrijak tal-mużika klassika ġie fi Praga t-tieni darba biex jgħin fit-tmexxija tal-ewwel esibizzjoni tal-opra tiegħu “Don Giovanni”. Marbuta sewwa ma’ Mozart wieħed ta’ min isemmi wkoll il-“Prague Symphony” numru 38 li ndaqqet fi Praga meta Mozart żar għall-ewwel darba din il-belt fl-1787. Huwiex l-akbar wirt tiegħu għal dil-belt hekk magħrufa għall-arti u t-tagħlim?
Ma’ dan ma nixtieqx ninsa lanqas il-mużika lirika ta’ kompożituri kbar Ċeki bħal Bedřich Smetana, Antonín Dvořák u Leoš Janáče. Il-mużika ta’ dawn il-kompożituri kbar hi mfakkara kull sena fil-festival mużikali tar-rebbiegħa.
Imbagħad ma nixtieqx ukoll ninsa ż-żminijiet medjevali fejn raw lil Praga tieħu l-importanza tagħha bħala l-belt tal-kummerċ u tal-kultura. Fis-seklu 14 l-Imperatur Qaddis Ruman Karlu IV għamel minn Praga l-belt imperjali tiegħu. Kien f’dal-perjodu li Praga rat għana mill-aqwa u kobor kulturali liema bħalu. Ħafna mill-postijiet l-aktar magħrufa fi Praga, inklużi l-Pont tal-Imperatur Karlu u l-Kattidral ta’ San Vito ġew mibnija f’dawn iż-żminijiet.
U waqt li l-istorja ta’ dil-Belt tassew unika issuktat tintiseġ fir-Rinaxximent, fejn Praga saret iċ-ċentru tal-umaniżmu, bl-intelletwali u bl-artisti li mlew it-toroq tagħha, l-aktar bix-xogħol tal-astronomu Tycho Brahe, f’qalbi ħassejt li Praga kienet qed tokrob għal xi ħaġa ferm importanti minnhekk. Fil-mawra tiegħi f’dil-belt, ħassejt li minkejja li hi daqshekk artistika xorta waħda kienet qed tokrob għall-imħabba, l-arti tal-arti.
Għaliex dan?
Waqt li għaddejt nimxi, b’pass ta’ bebbuxu, fit-toroq tagħha, stajt nara fin-nies tagħha karba kbira u profonda: “Ħobbni! Agħti kasi!”
Kienu ħafna n-nies li ħarsu lejja, il-Patri, għaddej biċ-ċoqqa Franġiskana għaddej miexi f’dil-Belt li għandha rabta sewwa mal-ispiritwalità Franġiskana kif imfissra fl-istorja ta’ Sant’Anjeże ta’ Praga. Il-faqar li rajt f’dil-belt tassew li mpressjonani. Ma kienx il-faqar tal-flus. Għalkemm dan ma nistax niċħdu lanqas. L-aktar faqar li ħassejt fi Praga kien l-għatx għall-imħabba. Jiġifieri l-għatx li wieħed imur lil hinn minn sempliċiment daħka artifiċjali, imġieba edukata imma niexfa qoxqox mill-imħabba li tħenn u tagħder li l-qalb biss tista’ tagħti. Praga fakkrittni fil-missjoni tiegħi li nkun viċin in-nies.
Thomáŝ Halik, wieħed mill-kelliema fil-konferenza, diġà kien saħqilna fil-konferenza li għamlilna fuq l-importanza li nkunu preżenza ta’ akkumpanjament spiritwali għal dawk li l-Mulej ilaqqagħna magħhom. U dan hu li jien ippruvajt inwettaq, jew aħjar, inħalli lill-Ispirtu s-Santu jagħmel bija fi Praga: jiġifieri li nieqaf man-nies u nqatta’ ħin magħhom fit-triq. Wara kollox jien Franġiskan u l-vera fraternità li San Franġisk xerred madwaru hi propju din u ma teżiżti ebda forma oħra tagħha.
Għadd ta’ esperjenzi
Diversi kienu l-esperjenzi li għenuni nimxi f’dit-triq evanġelika għall-aħħar. Bħalissa jiġu f’moħħi dawk it-tlett nisa Amerikani li ltqajt magħhom hekk kif qsamt il-pont ta’ Praga u bqajt sejjer lejn il-Knisja ta’ San Tumas.
Niftakar li l-esperjenza ma kinitx nieqsa mill-avventura tagħha. Kif eżatt qsamt it-triq mill-ewwel għadda minn miegħi t-tram mgħaġġel mgħaġġel. Kien il-kumment mimli mħabba u kura ta’ waħda minn dawn in-nisa Amerikani li ħeġġiġni bil-bosta biex nieqaf u nkellimhom ftit. Kelma wara l-oħra u, wara ftit, spiċċajna nitolbu fuq xulxin. Id-dmugħ ġelben fl-għajnejn. Hemm xi prova aktar qawwija minn dik tal-imħabba li hawn tant bżonn bejnietna? F’kelma waħda, f’dik l-imħabba li taf tisma’, tħobb u tħalli lilha nnifisha tiġi maħbuba?
Ma’ din l-esperjenza lanqas ma nixtieq ninsa ż-żjara li wettaqt eżattament fil-jum tal-għada li wasalt fil-Knisja ta’ Sidtna Marija tal-Vittorji jew inkella, kif insibuha aħjar bħala l-Knisja tal-Bambin Ġesù. F’din il-Knisja, li hi bini tal-Barokk Bikri u li tmur lura għas-sena 1611, għalkemm ġiet mibnija mill-1634 sal-1669 mill-Ordni Karmelitan, esperimentajt il-ġmiel tal-fraternità universali. Kif qatt nista’ ninsa lil dak il-grupp kbir ta’ studenti Spanjoli minn Granada li talbuni nberikom? Kif qatt nista’ ninsa lil tant Portugiżi, Amerikani, Kolumbjani u min ma nafx minfejn ġew għandi biex nitlob magħhom?
Fl-aħħar nett ma nixtieqx le ninsa lin-nies li l-Mulej laqqagħni magħhom fit-toroq ta’ Praga. Nies sempliċi, oħrajn anqas sempliċi, u oħrajn bilkemm ħarsu lejja għax mill-ewwel ittimbrawni. Biss, il-fatt li bqajt magħhom inkellimhom stajt nesperjenza kliem mill-isbaħ li, biż-żmien, se jagħmel biżibilju sens. Bħal, ngħidu aħna, il-frażi li tant il-Mulej qiegħdli f’qalbi u fuq fommi ġewwa Praga: “Il-ħajja hi misteru li wieħed għandu jgħixu u mhux problema li wieħed għandu jsolvi”.
Il-konklużjoni tal-aħħar
F’dan il-pellegrinaġġ kollu stajt nara kemm il-kliem taċ-ċinematografu Franċiż Jean Pierre Melville (twieled fl- 20 t’Ottubru 1917 u miet fit-2 t’Awwissu 1973) dwar Praga hu f’waqtu: “Inħobbha ‘l Praga. L-ebda belt m’għandha daqshekk spirtu”.
Anki jien inħobbha lil Praga għax mimlija spirtu. Daqqa ħelu għasel u daqqa morr għall-mewt. Imma hu dan l-ispirtu li jiċċirkula mat-toroq, mal-bini, fl-arja, fl-ilma u f’dak kollu li hi Praga. Hu dan l-ispirtu li, minnu nnifsu, qed jgħajjat biex jiġi mfaxxat, imdewwi, mismugħ, imwieżen, mogħti s-siġġu ta’ quddiem, f’kelma waħda maħbub.
X’inhi l-milja tal-ispirtu u tar-ruħ jekk mhux l-imħabba li timliehom u tfawwarhom?
Patri Mario Attard OFM Cap