L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dan il-kliem li jinstema’ pjuttost iebes għalina għax donnu Ġesu mhux qed jagħti ċans lil ommu biex tarah u anke lill-familjari tiegħu lil ħutu biex jarawh. Imma hu b’dan il-kliem jagħżel il-familja l-ġdida tiegħu li huma dawk li jisimgħu l-kelma u jagħmluha (Lq 8:21).
Aħna min jaf kemm nisimgħu l-kelma imma mhux dejjem nagħmluha. Imdawlin minn dan l-Evanġelju ejjew nitolbu lill-Mulej biex inkunu bħall-mamà tiegħu li semgħet il-kelma u għamlitha. U għalhekk ma kinetx biss ommu fl-ordni naturali għax twieled minnha, imma wkoll saret parti mill-familja l-ġdida ta’ dawk li jisimgħu l-kelma u jagħmluha.
Meta fuq is-salib xtaq jafda, lil ommu, lil xi ħadd, ma għażilx lil oħtha li kienet qiegħda hemmhekk, imma, għażel lid-dixxiplu l-fidil, il-maħbub, u qalilha: “Dan hu ibnek”; lilu qallu: “Din hi ommok” (Ġw 19: 26.27).
Mela, ħdejn is-salib il-Madonna saret ukoll l-omm ta’ din il-familja l-ġdida ta’ dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha.
Aħna nitolbu l-interċessjoni tal-martri tal-Korea, dawn in-nisa, irġiel ta’ familja. Kien hemm ukoll l-ewwel saċerdot fosthom għalhekk jissemma wkoll San Andrea għaliex huwa l-ewwel saċerdot Korean li, wara ħafna ħidma fost il-poplu tal-Korea, miet martri. Imma hemm diversi minn dawn il-martri li qed niċċelebraw illum li ma kinux saċerdoti jew reliġjużi, kienu lajċi. Il-Mulej tahom il-grazzja li jkollhom ukoll il-glorja tal-martri bħala sinjal tal-fedeltà tagħhom lejh, f’ambjent diffiċli ħafna.
Jiena nixtieq nislet vers wieħed mill-ktieb tal-Proverbji li smajna silta minnu llum fl-ewwel qari. Hu jgħid hekk, din hija twissija għal kull wieħed u waħda minna l-aħwa. “Min jagħlaq widnejh għall-għajta tal-fqir, ħadd ma jwieġbu meta jgħajjat hu” (Prov 21:13). Ħa nerġgħu nisimgħuha dil-kelma ta’ Alla: “Min jagħlaq widnejh għall-għajta tal-fqir, ħadd ma jwieġbu meta jgħajjat hu”. Fiha x’tifhem, hu?
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Prov 21:1-6,10-13
Salm: 118 (119):1,27,30,34,35,44
L-Evanġelju: Lq 8:19-21