Disa’ saċerdoti Maltin din is-sena qed fakkru l-60 anniversarju mill-ordinazzjoni tagħhom għas-saċerdozju. Dan permezz ta’ quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-kappella tad-Dar tal-Kleru f’Birkirkara li hi ddedikata lil Kristu Saċerdot. Ikkonċelebraw l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP, u saċerdoti oħra residenti fid-Dar tal-Kleru.
Is-saċerdoti li ġew ordnati fl-1962 huma: Dun Ġużepp Berry, Mons. Vincent Deguara, Mons. Ġwann Galea, Mons. Lawrence Gatt, Mons. Alfred Micallef, Dun Maurice Mifsud, Mons. Joseph Mifsud Bonnici, Mons. Joseph Pace u Mons. Alfred Xuereb.
Fl-omelija l-Arċisqof qal lil dawn id-disa’ saċerdoti sabiex anke f’din l-fażi ta’ ħajjithom ma jaqtgħux qalbhom u ma jibżgħux ikomplu jwasslu l-Aħbar it-Tajba. Fakkarhom fl-esperjenzi differenti li ltaqgħu magħhom matul is-60 sena saċerdozju: “Min jaf meta tħarsu lejn dawn is-60 sena kemm tiftkaru f’episodji li għandhom togħmiet differenti: it-togħma tal-ferħ u t-togħma morra tat-tbatija. Li nawguralkom hija li intom u taraw u taqraw dawn is-60 sena ta’ saċerdozju, taqrawhom fid-dawl tal-ħarsa tal-Mulej li hija dejjem ħarsa ta’ tenerezza, ħarsa ta’ kompassjoni, u ħarsa ta’ viċinanza.” F’isem il-Knisja rringrazzjahom talli waqt il-qrar, wasslu tant nies lejn il-ħniena tal-Mulej u fakkarkom li din l-istess ħniena tal-Mulej hi bla tarf għalihom ukoll.
F’għeluq dan l-anniversarju tant importanti għalihom, Mons. Arċisqof afda lil dan is-saċerdoti bil-missjoni li jitolbu għal aktar vokazzjonijiet u għas-sagrament li jibni l-Knisja, li huwa s-sagrament taż-żwieġ, minn fejn joħorġu l-vokazzjonijiet.
Filwaqt li nitolbu għal dawn is-saċerdoti sabiex ikomplu bil-missjoni tagħhom u nirringrazzjawhom tas-servizz li għadhom jagħtu lill-Knisja, nitolbu għal aktar vokazzjonijiet u biex il‑Mulej jagħti kuraġġ lil dawk iż‑żgħażagħ li qed iħossu din is‑sejħa u jirrispondu għaliha b’ġenerożità.
Agħfas hawn biex taqra l-omelija sħiħa tal-Arċisqof lil dan il-grupp ta’ saċerdoti.