• Familja Inklussiva

    Illum, il-Liturġija tal-Knisja Kattolika hija ddedikata għall-Familja Mqaddsa: Ġużeppi, Marija u Ġesù. Il-Vanġeli li jintużaw biex ifakkru din ir-realtà sabiħa huma Vanġeli fejn il-familja Mqaddsa kienet tinsab mhedda jew għaddiet minn xi nkwiet.

    Wieħed mill-Vanġeli jfakkarna fil-ħolma li kellu Ġużeppi, li fiha l-anġlu wissieh biex ma jmurx lura Nazaret, imma jmur l-Eġittu biex isalva l-ħajja tat-tarbija li kienet mhedda minn Erodi. Ġużeppi għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej u ħa lit-tarbija u lil ommha Marija f’art barranija, fl-art tal-Eġittu. Dan sakemm reġa’ kien imwissi mill-anġlu li seta’ jmur Nazaret, għax Erodi kien miet u l-periklu kien għadda.

    Ġesù beda t-trobbija tiegħu bħala refuġjat. Il-familja tiegħU, mill-art tal-Palestina, kellha tmur f’art totalment differenti, f’kultura differenti. Nistgħu nimmaġinaw li l-ewwel passi li għamel Ġesù kienu fuq art Eġizzjana. Hemmhekk il-Familja Mqaddsa sabet min jilqagħha, sabet il-kenn mill-għadu u ħelset mill-persekuzzjoni.

    Mal-ewwel jiem tat-tfulija ta’ Ġesù, seħħet il-kelma li ntqalet meta Ġesù kellu biss 40 jum, minn Xmun, raġel ġust u twajjeb u li kellu fuqu l-Ispirtu s-Santu, “Dan ikun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Għal ftit snin, il-familja ta’ Nazaret saret il-familja tal-Eġittu. Seħħet ukoll il-profezija “mill-Eġittu sejjaħt lil ibni” (Mt 2:15) u Ġesù u l-ġenituri tiegħu marru joqogħdu f’Nazaret fejn hU trabba u “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja” (Lq 2:52).

    L-istorja tal-Milied mhix biss ġrajja ta’ ferħ u ta’ paċi imma hija wkoll ġrajja ta’ tbatija, niket u periklu. Biżżejjed niftakru fl-istorja tat-tfal innoċenti li Erodi qatel biex jipprova joqtol ukoll lil Ġesù – it-tarbija li s-slaten Maġi kienu ġew mil-Lvant biex jaraw.

    Illum ta’ min niftakru f’tant familji fid-dinja li għaddejjin minn perikli kbar: il-periklu tal-ġuħ, il-periklu tal-gwerra, il-periklu tal-mard, il-periklu tal-prostituzzjoni, il-periklu tal-estremiżmu. Il-familja hija barka u meta tkun mhedda s-soċjetà kollha tkun telliefa.

    Illum irridu nirringrazzjaw lil Alla tal-familji b’saħħithom li għandna fil-Gżejjer tagħna. Irrid ukoll insellem lill-familji li għalkemm mhumiex familji tradizzjonali, xorta waħda huma familji fejn hemm l-għożża u fejn min hu responsabbli jrabbi lill-ulied mill-aħjar li jista’.   

    Pajjiżna għad għandu ambjent sabiħ fejn il-familja tista’ tikber u tistagħna. Forsi dan huwa aspett li jagħmilna poplu ferħan, poplu ġeneruż, poplu b’qalb kbira. L-awgurju tiegħi f’dawn il-ġranet huwa li aħna ngħożżu kull tip ta’ familja fejn it-tfal tagħna jikbru fl-għożża.

    Il-ħsieb tiegħi jmur ukoll għal dawk responsabbli mill-ambjenti edukattivi tagħna: tant għalliema li jiddedikaw ħajjithom għall-edukazzjoni tal-ulied u għal dawk li jiddedikaw ħajjithom biex il-persuni b’diżabilità jkunu inklużi fis-soċjetà bid-dinjità tagħhom.

    Is-soċjetà tagħna tkun soċjetà-familja daqs kemm tkun soċjetà inklussiva. Soċjetà li l-qalb tagħha hija miftuħa għal kulħadd, hu min hu, ġej minn fejn ġej, jaħsibha kif jaħsibha. Fil-familja hemm spazju għal ideat differenti u għal esperjenzi differenti. Il-familja tkun verament familja jekk mhux biss tagħti d-don tal-ħajja, imma taħdem biex il-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna tkompli tisseddaq.

    Illum nitolbu lill-Mulej biex iseddaq lill-familji Maltin, u kull fejn hemm l-isforzi għat-trobbija ta’ uliedna, dan isir b’rispett lejn id-dinjità,  lejn l-għana tad-diversità, u bi spirtu tassew inklussiv.

     
     Charles Jude Scicluna
         Isqof titulari ta’ San Leone
         Amministratur Appostoliku ta’ Malta