Photo: Vatican News

Hekk kif il-laqgħat tal-Assemblea Sinodali f’Ruma ġa qabżu n-nofs, fis-sessjoni tal-bieraħ filgħodu ġiet proposta l-idea ta’ “assemblea ekkleżjali Mediterranja” biex tagħti widen għall-vuċijiet tal-migranti. Il-parteċipanti sinodali esprimew gratitudni lejn ir-rwol tal-Knejjes li qed jilqgħu l-migranti u faħħru l-inizjattivi maħduma flimkien bl-għan li jissapportjaw din il-missjoni.

Fost it-temi diskussi kien hemm l-attenzjoni għaż-żgħażagħ u lejn dawk b’diżabbiltajiet, b’tamiet għal rabtiet isħaħ bejn il-Kurja Rumana u l-komunitajiet lokali.

Id-diżabbiltajiet u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet

It-346 persuna preżenti fl-Awla Sinodali ddiskutew it-tieni u t-tielet tema tal-Instrumentum Laboris, u mill-interventi liberi ħarġet sejħa biex jissaħħu r-rwoli tal-parroċċi, ikun hemm involviment iktar dirett taż-żgħażagħ, u tingħata attenzjoni ġenwina lill-persuni b’diżabbiltà, fost l-oħrajn bil-ħolqien ta’ kunsill speċifiku għalihom.

Temi oħra kienu dwar ir-rwol ta’ “networks virtwali” fi ħdan il-Konferenzi Episkopali, kif ukoll il-proposta ta’ pjattforma komuni għall-istudenti ta’ reliġjonijiet differenti li jattendu fi skejjel tal-Knisja.

Rabtiet isħaħ bejn Ruma u l-Knejjes lokali

Paolo Ruffini, Prefett tad-Dikasteru għall-Komunikazzjoni, semma r-rwol essenzjali tal-ordnijiet reliġjużi, speċjalment f’postijiet ta’ tbatija kbira u fil-qasam tal-edukazzjoni. Enfasizza wkoll l-importanza li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn sinodalità u primat, li ġiet diskussa f’fora miftuħa.

Ruffini semma li hu sorprendenti kif, tant snin wara l-Konċilju Vatikan II, l-istatus teoloġiku tal-Konferenzi Episkopali għadu mhux wieħed ċar. Ħareġ is-suġġeriment li ssir iktar konsultazzjoni mal-Knejjes lokali meta jkunu qed jitħejjew ċerti dokumenti u li d-dikasteri tal-Vatikan iżuru iktar ta’ spiss komunitajiet u djoċesijiet iżgħar.

Nibnu rabtiet fraterni

Swor Samuela Maria Rigon, Superjura Ġenerali tas-Sorijiet tal-Omm Addolorata, tkellmet dwar l-esperjenza sinodali u saħqet fuq l-importanza li jinbnew relazzjonijiet fraterni. Innotat li madwar kwart tal-parteċipanti sinodali huma lajċi, żgħażagħ, u reliġjużi, li kollha kellhom l-opportunità jitkellmu. Waqt li jaf ikun hemm tensjonijiet dwar opinjonijiet fuq ċerti temi, hi fissret li dawn mhumiex opposti għal xulxin imma frott l-għana tad-dinamika maskili-femminili.

Is-Sinodu fil-Knisja Asjatika

Il-Kardinal Charle Bo, Arċisqof ta’ Yangon, il-Myanmar, u President tal-Federazzjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Asja, ta ħarsa ġenerali lejn il-mixja sinodali f’dak il-kontinent. Tkellem dwar l-involviment dejjem jikber ta’ żgħażagħ fl-evanġelizzazzjoni diġitali, inizjattivi pastorali kreattivi, u l-isfidi tal-klerikaliżmu.

Minkejja r-reżistenza minn xi isqfijiet, il-Federazzjoni hi sodisfatta bil-progress li sar, speċjalment bl-impenn tal-Knejjes li jisimgħu lil kulħadd.

Ħtieġa ta’ bidla strutturali u adattament għad-dinja tal-lum

Il-Kardinal Gérald Cyprien Lacroix ta’ Québec, il-Kanada, saħaq fuq il-bżonn ta’ Knisja li “tisma’”, speċjalment lil dawk li huma differenti. Hu sejjaħ għal bidliet strutturali, partikularment fil-prattiċi tal-missjoni, il-media, u l-approfondiment tal-ħajja spiritwali.

Il-konverżazzjoni messet ukoll it-tema tad-deċentralizzazzjoni bejn Ruma u l-Konferenzi Episkopali, u r-rabta bejn is-smigħ u t-twettiq tal-bidliet meħtieġa.

Il-possibbiltà ta’ “ministeru tas-smigħ”

Għalkemm għadha trid tiġi diskussa aktar, tqajmet il-proposta ta’ “ministeru tas-smigħ”. Il-Kardinal Bo saħaq li dan is-Sinodu huwa uniku għax hu tassew proċess, u jittama li kull Isqof jikkunsidra li jagħmel sinodu djoċesan biex titkompla l-ħidma mibdija f’Ruma.

Source: Newsbook.com.mt