Ritratt: Vatican Media

Il-Papa Ljun XIV sa jiddikjara lil San John Henry Newman Patrun tal-Edukazzjoni Kattolika f’dokument li ġie ppubblikat fit-28 ta’ Ottubru għas-60 anniversarju ta’ Gravissimum Educationis, id-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar dan is-suġġett.

Il-Papa ħatar lil Newman bħala qaddis kompatrun uffiċjali tal-edukazzjoni, flimkien ma’ San Tumas ta’ Aquino, matul il-Ġublew tad-Dinja Edukattiva li qed jinżamm bejn is-27 ta’ Ottubru u l-1 ta’ Novembru, u li mistenni jiġbed lejn Ruma 20,000 pellegrin, fosthom edukaturi Maltin u Għawdxin.

Il-qaddis u kardinal Ingliż se jiġi wkoll iddikjarat it-38 Duttur tal-Knisja fil-quddiesa tal-għeluq nhar l-1 ta’ Novembru, Solennità tal-Qaddisin Kollha.

Il-Kardinal José Tolentino de Mendonça, Prefett tad-Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni, ħabbar dan f’konferenza stampa fit-22 ta’ Ottubru. Newman, qal de Mendonça, hu “edukatur straordinarju u ta’ ispirazzjoni kbira għall-filosofija tal-edukazzjoni”.

Il-Papa ppubblika wkoll dokument fit-28 ta’ Ottubru biex ifakkar is-60 anniversarju tal-Gravissimum Educationis, li “jirrifletti fuq l-attwalità tad-Dikjarazzjoni u fuq l-isfidi li l-edukazzjoni qed tħabbat wiċċha magħhom illum, b’mod partikulari fl-iskejjel u l-universitajiet Kattoliċi,” kompla jgħid de Mendonça.

Gravissiumum Educationis, qal il-Kardinal, hu “dokument fundamentali b’impatt qawwi fuq il-viżjoni kontemporanja tal-edukazzjoni. Id-dokument għandu rwol fundamentali fil-Knisja u ’l barra minnha, u għandu jiġi rikonoxxut”.

Barra li affermat mill-ġdid id-dritt universali għall-edukazzjoni, id-Dikjarazzjoni Konċiljari mmarkat “bidla importanti fil-lingwaġġ, jiġifieri, fil-mentalità ta’ kif wieħed jitkellem dwar l-iskola, mhux f’termini ta’ istituzzjonijiet, imma pjuttost f’termini ta’ komunitajiet edukattivi”, żied jgħid.

Il-Kardinal ikkwota fit-tul mid-dokument tal-Papa li ġie ppubblikat fit-28 ta’ Ottubru, li jgħid li Gravissimum Educations “ma tilfet xejn mill-attwalità tagħha” minn kemm ilha li ġiet ippubblikata.

“Sa minn meta ħarġet, twieldet kostellazzjoni ta’ xogħlijiet u kariżmi… wirt spiritwali u pedagoġiku li rnexxielu jimmarka s-seklu 21 kollu u jwieġeb għall-aktar sfidi pressanti”, jgħid il-Papa Ljun fid-dokument.

Sors: Newsbook Malta

Artiklu miktub minn Francesco Pio Attard