-
-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar tmien religious counsellors ġodda sabiex jikkontribwixxu fil‑ħidma pastorali f’għadd ta’ skejjel tal‑istat. Huma ser jingħaqdu mat‑tim ta’ 21 religious counsellor li qed jagħmlu ħidma pastorali fid‑diversi skejjel medji u sekondarji.
It‑tmien religious counsellors ġodda huma:
- Dun Sergio Fenech u Dun Joe Mifsud ser jaqdu ħidma fl‑iskola Medja tal‑Kulleġġ San Injazju tal‑Ħandaq,
- Dun Mark Mallia Pawley fl‑iskola medja tal‑Kulleġġ ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop,
- Patri Ivan Attard OP fl‑iskola sekondarja tal‑Kulleġġ ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop,
- Dun James Saydon fl‑iskola sekondarja fil‑Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke,
- Dun Claude Mifsud fl‑iskola medja tal‑Kulleġġ San Nikola fir‑Rabat,
- Dun Gilbert Scicluna fl‑iskola medja tal‑Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla, u
- Dun Chris Ellul fl‑iskola sekondarja tal‑Kulleġġ San Tumas Moore f’San Luċija.
Mons. Arċisqof iltaqa’ mar‑religious counsellors u l‑membri taċ‑chaplaincy teams u filwaqt li apprezza l-ħidma li jwettqu fl-iskejjel, ħeġġiġhom sabiex “jisimgħu, iħobbu u jagħmlu dixxipli” fil-komunitajiet tal-iskejjel. L‑Arċisqof qal li l‑edukaturi għandhom jadattaw il‑prattiċi tagħhom sabiex jilħqu dejjem aktar l‑adoloxxenti u ż‑żgħażagħ.
Is‑sehem ta’ kull religious counsellor huwa li jakkumpanja fl‑aspett reliġjuż u morali lill‑membri tal‑komunità fi ħdan l‑iskola. Kull ġimgħa jiltaqa’ mal‑istudenti, l‑edukaturi u l‑istaff biex jgħinhom fil‑mixja tal‑fidi u f’aspetti oħra tal‑ħajja. Dan isir b’mod speċjali bi preżenza attiva ta’ fidi li tirrapreżenta l‑valuri ta’ Ġesù fiċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Quddiesa, tal‑qrar, prayer spaces u attivitajiet oħra skont il‑bżonn tal‑iskola.
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja