-
-
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. innomina lil David Callaby Floridia, żagħżugħ ta’ 34 sena, bħala President tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ). David huwa miżżewweġ lil Ana. Hu ser jieħu post Anthony Mifsud li ilu jmexxi l-Kummissjoni għal dawn l-aħħar 5 snin.
David Callaby Floridia twieled f’Paċeville fit-12 ta’ Settembru 1979. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ Stella Maris, l-Gżira, u ggradwa mill-Università ta’ Malta b’ Baċċelerat fil-qasam tas-Social Work. Fis-snin ta’ wara, kompla l-istudji tiegħu fil-livell ta’ Masters fil-Youth Ministry. Fil-preżent, huwa lecturer u jgħallem żgħażagħ b’abbiltajiet differenti.
Matul dawn l-aħħar għaxar snin, David ħadem ma’ żgħażagħ minn oqsma differenti tas-soċjetà. Kellu diversi esperjenzi ta’ volontarjat f’Malta u barra minn Malta, partikolarment mal-komunità Couples for Christ, u l-ordnijiet reliġjużi tas-Salezjani u l-Missjunarji tal-Karità.
-
-
-
Fuq xewqa tal-Arċisqof, l-KDŻ ser tkompli taħdem qrib iż-żgħażagħ, kemm dawk impenjati f’diversi gruppi u għaqdiet fil-Knisja, kif ukoll ma’ żgħażagħ li huma ‘l bogħod mill-Knisja. Din il-ħidma għandha tinbena fuq il-prinċipji ta’ relazzjoni, formazzjoni, studju u sapport fil-qasam tad-dixxipulat tal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.