-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Mario Tong bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Immakulata Omm il-Knisja, l-Ibraġ.
Dun Mario Tong twieled fid-29 ta’ April 1953, u ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1977. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet fid-Djoċesi ta’ Ġibiltà. F’Mejju 1978 ġie maħtur Kappillan ta’ St Joseph the Worker Parish. Lura Malta, f’Settembru 1980, serva bħala Viċi-Kappillan fil-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, u f’Ġunju 1981 ġie nominat Kappillan ta’ Marsaxlokk. F’Mejju 1990 beda jagħti servizz pastorali fid-Djoċesi ta’ Rockville Centre, New York.
F’Ottubru 1996 ġie maħtur Kappillan ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara. F’Ġunju 2003 inħatar Arċipriet tal-Mosta, u f’Ottubru 2011 inħatar Kanonku Arċipriet tal-Parroċċa San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta.
Wara żmien sabbatiku, dan l-aħħar reġa’ offra servizz pastorali fid-Djoċesi ta’ Ġibiltà, b’ħidma fil-Katidral u wkoll bħala Kappillan tal-Isptar.
Il-Parroċċa tal-Ibraġ tiġbor fiha madwar 9,000 persuna fi 3,000 familja.
-
-