Nhar l-Erbgħa 5 ta’ Diċembru 2012, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. inawgura uffiċċju ġdid fil-Kurja tal-Arċisqof li se jkun qiegħed jikkordina l-ħidma tal-volontarjat li qed issir fil-Knisja u jkompli joħloq għarfien dwar il-valur tal-volontarjat. L-Uffiċċju se jitmexxa mill-voluntiera, li ser joffru servizz kontinwu lill-entitajiet tal-Knisja bil-għan li tissaħħaħ l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-volontarjat fid-Djoċesi ta’ Malta.
Il-ħidma ta’ dan l-Uffiċċju, li se jitmexxa minn persuni volontarji, huma:
- li joħloq sensibilità għall-valur tal-volontarjat fost il-pubbliku;
- jiġbor data tal-persuni volontieri fi ħdan il-Knisja, u jżommha aġġornata;
- jiġbor informazzjoni tal-ħtiġijiet għall-volontarjat li hemm fid-diversi entitajiet fi ħdan il-Knisja f’Malta u jżommha aġġornata;
- jilqa’, jipproċessa, u jindirizza t-talbiet li jsiru għall-volontarjat jew tal-ħtiġijiet għall-volontarjat;
- jieħu ħsieb il-proċess ta’ reklutaġġ ta’ volontiera ġodda (tal-iscreening tagħhom) u tal-formazzjoni tagħhom, biex ikunu imħejjija għall-volontarjat li ser joffru;
- jorganizza induction course (wieħed jew tnejn) kull sena għall-volontiera ġodda;
- joħloq programm ta’ formazzjoni permanenti għall-volontiera fi ħdan il-Knisja f’Malta;
- jieħu ħsieb jagħmel budget ta’ kull sena u jsegwi l-aspett finanzjarju tal-proġett;
- jagħmel rapport annwali tal-andament tal-proġett u jippreżentah lis-Segretarju Pastorali.
.
Hawn qiegħdin nippublikaw l-messaġġ ta’ Mons. Victor Grech, waqt l-inawgurazzjoni tal-Uffiċċju Djoċesan għall-Volontarjat
.
Ix-xogħol volontarju ismu miegħu. Min qed jagħmlu, jagħmlu għax irid, poġġa qalbu fih u għażlu hu.
Il-volontarjat hu ħaġa tajba għaliex hu mod kif in-nies jistgħu jaħdmu biex itejbu s-soċjetà ta’ madwarhom. Is-soċjetà ma tistax titjieb sakemm mhux kulħadd ikun ingħata ċ-ċans jitħabat biex itejjibha. Soċjetà li tapprezza x-xogħol volontarju hija soċjeta’ izjed għanja, izjed b’saħħitha minn soċjetà ċinika, egoista u bierda.
Il-Valuri Fundamentali li għandu jkollu l-Voluntier
Hemm ċerti valuri fundamentali li jbiddlu s-servizz volontarju f’qawwa ta’ tibdil soċjali:
- ħidma ħielsa li topera għal kollox bla interessi mhux biss fejn jidħlu l-flus imma wkoll fejn jidħol il-prestiġju personali;
- stima kbira lejn id-dinjità ta’ kull persuna umana u d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna;
- spirtu ta’ qadi li jfisser responsabbilta’ u flessibilta’ li permezz ta’ dawn il-valuri l-voluntier ikun lest li jaddatta l-għajnuna tiegħu skond il-ħtiġijiet tal-persuna;
- solidarjeta’ li permezz tagħha iħossu responsabbli ta’ ħuti fid-diffikulta’;
- rieda sħiħa li jagħti kont tal-ħidma tiegħu;
- regolarita’ fl-impenn tiegħu;
- rispett għan-natura privata u personali tat-tagħrif mogħti lilu;
- kapaċita’ biex jaħdem ma’ oħrajn; u
- għażla preferenzjali tal-fqir. Din l-għażla, profondament evanġelika, għandha fiha l-bidu tat-twaqqif mill-ġdid tal-ġustizzja soċjali.
Il-Volontier u l-Professjonisti
Il-volontier jeħtieġ jaċċetta u jaħdem flimkien mal-professjonisti biex jagħtu orjentament ġdid fil-ħidma soċjali. Il-ħila esperta tal-professjonist tissieħeb mas-sehem tal-volontier biex hekk joktor l-iżvilupp personali, togħla l-kwalita’ tas-servizz li jingħata, u x-xogħol soċjali isir izjed għani. Il-volontier għandu jedd għall-iżvilupp personali, għas-sodisfazzjon fil-ħidma tiegħu, għat-tagħrif u parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet (fejn dan ikun xieraq), kif ukoll għat-taħriġ kontinwu u superviżjoni.
Il-volontier hu soċjalment imqareb, jiġifieri ma jistax jagħlaq għajnejh quddiem strutturi soċjali ħżiena jew inġustizzji u inegwaljanzi. Il-volontier irid ikun il-vuċi tal-fqir. Ix-xogħol volontarju jrid ikun organiżżat, ippjanat sewwa, u evalwat regolarment.
Fl-1977, il-Caritas Malta tat bidu għall-Volontarjat Soċjali mibni fuq it-taħriġ spiritwali u soċjali u esperjenza diretta mal-persuni fil-bżonn. L-iżvilupp tal-Volontarjat ta wiċċ ġdid lill-Knisja Maltija.
Ix-xogħol volontarju huwa ta’ ħtieġa ewlenija għall-Knisja kif ukoll għas-soċjeta’, u postu qatt ma jista’ jittieħed bl-għoti ta’ servizzi mħallsa. Jenħtieġ li nħarsu dan il-wirt prezzjuż fi ħdan is-soċjeta’ Maltija, kemm jekk il-volontarjat ikun fuq bażi permanenti kif ukoll jekk ikun marbut ma’ proġett partikolari.
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja.