• Is-Sur Anthony Gatt, id-direttur il-ġdid ta’ Caritas Malta, beda sensiela ta’ żjarat fil-ħafna djar li għandha Caritas Malta.

    Fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet żar l-Outreach il-Furjana, fejn isir l-ewwel kuntatt mill-persuni li jersqu għall-għajnuna mill-abbuż ta’ sustanzi illegali; il-komunità terapewtika ta’ San Blas kif ukoll dik ta’ Dar Et Iris li huma żewġ programmi ta’ rijabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga għall-irġiel u għan-nisa; ix-xelter għall-irġiel fl-istess ċentru terapetiku ta’ San Blas. F’dawn iċ-ċentri ltaqa’ mal-kapijiet tad-djar, staff u kellu laqgħa importanti mar-residenti.

    F’dawn l-aħħar 3 snin, Anthony Gatt, psikologu, kien koordinatur tas-servizzi terapewtiċi ta’ rijabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga ta’ Caritas Malta u stqarr li  issa fil-kariga ġdida tiegħu bħala direttur, il-ħarsa tiegħu se tkun mifruxa fuq is-servizzi kollha. Bla dubju dak li għamel f’ħidma ferm viċin mal-istaff u residenti bi problema ta’ droga, żgur li se jibqa’ jsostnih fil-firxa wiesgħa ta’ servizzi.

    Caritas Malta tħaddan numru ta’ support groups matul il-ġimgħa u fl-ewwel ġimgħa tiegħu ltaqa’ ma’ membri ta’ wieħed minn dawn il-gruppi, l-Emotions Anonymous.

    Is-Sur Gatt żar ukoll Dar Papa Franġisku fejn kiel mal-persuni li jagħmlu użu minn din id-dar u tkellem fil-qrib magħhom biex iħaddan il-weġġgħat li jgħaddu minnu persuni li jinsabu f’din is-sitwazzjoni. Tkellem mal-istaff u wiegħed li bħala direttur ta’ Caritas Malta, se jkompli jsostni dan is-servizz b’dak kollu li jkun hemm bżonn biex dejjem jilqa’ l-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli.

    Fil-viżti tiegħu, Anthony saħaq li mat-tisħiħ tas-servizzi, Caritas Malta trid tibqa’ l-vuċi għal persuni vulnerabbli u fil-bżonn u tagħmel pressjoni mal-awtoritajiet biex dawn il-persuni jerġgħu jiksbu d-dinjità tagħhom. Irringrazzja lil kull min jagħti sehem fit-tmexxija tad-djar u s-servizzi ta’ Caritas u saħaq li se jkun preżenti iktar mill-viċin biex jisma’ dirett mingħand l-imġarrab. Anthony Gatt fakkar li fil-ħidma ta’ Caritas, iċ-ċentru għandu jibqa’ dejjem il-bniedem fil-bżonn.

    Fil-ġimgħat li ġejjin, id-Direttur Anthony Gatt se jkompli fi żjarat fi djar oħra ta’ Caritas Malta fosthom il-Prison Inmates Programme u Dar Charles Miceli. Id-driettur il-ġdid ser jiltaqa’ wkoll mal-Alcohol u Gambling Anonymous, Young Separated Support Group, Thursday Club għall-persuni bi problema ta’ saħħa mentali, RoSe, Epilepsy u Core Team li jmexxi il-prevenzjoni fl-iskejjel.

    13