-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Kan. Vincent Borg bħala arċipriet tal-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta.
Dun Vincent Borg twieled fit-30 ta’ Novembru 1949. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ Ħaż-Żebbuġ, u l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fil-Fakultà tat-Teoloġija, fis-Seminarju, Tal-Virtù.
Dun Vincent ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974. Beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi-kappillan fil-parroċċi ta’ Ħal Tarxien u Ħal Qormi, u bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta, fejn ilu jservi għal dawn l-aħħar 14-il sena.
Dun Vincent ħadem ukoll bħala għalliem fl-iskejjel ta’ Raħal Ġdid u l-Marsa, u fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Għal dawn l-aħħar 16-il sena huwa serva bħala kappillan tal-komunità Franċiża.
Il-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tiġbor fiha madwar 1,800 persuna fi 800 familja.