Qed ngħixu fi gżejjer ċkejkna b’densità ta’ popolazzjoni li hi fost l-ogħla fid-dinja u b’limitazzjonijiet kbar ta’ riżorsi naturali. Intant l-imġiba ta’ xi wħud minna, l-argumenti li spiss nisimgħu u l-proġetti li naraw proposti jew imwettqa, spiss jikxfu mentalità li donnha Malta hi xi kontinent bla qies fejn ir-riżorsi naturali u ambjentali huma bla limitu. Forsi ħafna mill-problemi ambjentali li qed nippruvaw negħlbu bħalissa u li qed jipperikolaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-gżejjer tagħna huma frott ta’ din il-mentalità.
Mentalità bħal din għamlet u għadha tagħmel ħafna ħsara għax, minħabba li r-riżorsi naturali ambjentali tagħna huma limitati, dak li qed jinqered spiss qed jintilef darba għal dejjem. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, pajjiżna qiegħed kull ma jmur jiftaqar għax ir-riżorsi ambjentali tiegħu, li huma l-qofol ta’ kull żvilupp ekonomiku u soċjali, qed jitnaqqru ftit ftit, kemm fil-kwalità kif ukoll fil-kwantità.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent f’diversi okkażjonijiet uriet il-fehma tagħha dwar din is-sitwazzjoni. Dan għax il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li l-bniedem, partikolarment in-Nisrani, għandu responsabbiltajiet kbar lejn l-ambjent u lejn il-ħolqien kollu kemm hu. Dawn ir-responsabbiltajiet joħorġu direttament mill-fidi tiegħu f’Alla. In-Nisrani jimmatura aktar ma jagħraf, iħobb u jqim il-preżenza ta’ Alla f’dawk ta’ madwaru u fil-ħolqien kollu, waqt li jżomm dejjem f’moħħu l-ġid komuni. Nemmnu li b’din il-mentalità u bidla fl-imġiba tagħna lkoll… jista’ jkun hemm BIŻŻEJJED u GĦAL KULĦADD. Għalina, dan għandu jkun il-qofol tal-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta u Għawdex.
Żvilupp sostenibbli hu żvilupp li jsib bilanċ bejn u jissodisfa l-bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-pajjiż. Kull argument li jipprova jindirizza bżonn partikolari u jitraskura l-oħrajn hu argument fjakk u perikoluż. Għalhekk daqskemm ma jagħmilx sens li titkellem fuq protezzjoni ambjentali akkost ta’ kollox jew favur żvilupp li ma jġibx miegħu l-ebda piż soċjali, daqshekk ieħor huma fjakki u perikolużi argumenti favur żvilupp ekonomiku li ma jirrispettax il-bżonnijiet soċjali u ambjentali tal-pajjiż. Sabiex pajjiżna jkun sostenibbli jeħtieġ bidla fl-istil ta’ ħajja li ngħixu: fil-mod kif naħsbu, fil-mod kif nikkunsmaw ir-riżorsi, fil-mod kif nippjanaw il-ġejjieni tagħna … kif ukoll fid-drawwiet u l-użanzi tagħna.
Matul dawn l-aħħar snin saru diversi sforzi sabiex kull żvilupp fil-gżejjer tagħna jkun wieħed sostenibbli. Dawn l-isforzi wasslu għal diversi dokumenti uffiċjali (fosthom il- Politika Nazzjonali fuq l-Ambjent, National Environment Policy, li l-Gvern ħareġ f’Settembru li għadda għall-konsultazzjoni) u saħansitra għal unit imwaqqaf apposta fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Iżda dan mhux biżżejjed. Jenħtieġ li kull settur tas-soċjetà Maltija jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu u r-rwol tiegħu fl-iżvilupp li għandu jkun wieħed ġust u xieraq għal pajjiżna.
B’dan il-għan, il-Kummissjoni Ambjent ser torganizza Konferenza Nazzjonali fid-9, 10 u s-17 ta’ Diċembru li ser tiffoka fuq tliet aspetti ta’ żvilupp fil-gżejjer tagħna li jixirqilhom attenzjoni speċjali f’dan il-mument. L-iskop aħħari ta’ din il-Konferenza huwa li toffri opportunità lil min jipparteċipa ħalli flimkien (kull settur involut) nifhmu x’inhu jżommna milli jkollna użu aktar għaqli tal-ilma, tal-art u l-binjiet tal-gżejjer tagħna. L-aħħar ġurnata (17 ta’ Diċembru) tal-Konferenza ser tinżamm f’Għawdex, sabiex flimkien niflu l-limitazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed iwasslu sabiex il-popolazzjoni residenzjali ta’ din il-gżira, tixjieħ b’mod allarmanti, u kif l-iżvilupp sostenibbli mixtieq, waqt li jattira investiment ġdid, jagħmel dan bil-galbu u b’rispett lejn l-ambjent karatteristiku ta’ Għawdex.
Il-Konferenza ser tkun imtellgħa b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija dwar l-Ilma, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Direttorat għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali (Ministru għal Għawdex).
Il-Konferenza ser tkun imqassma fi tliet sessjonijiet:
9 ta’ Diċembru 2011, Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, 4.30 – 8.30 p.m. Tema: Il-bini – kriżi jew opportunità. Organizzata b’kollaborazzjoni ma’ Flimkien għal Ambjent Aħjar
10 ta’ Diċembru 2011, Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, 8.30 a.m. – 3.00 p.m. Tema: L-ilma ħelu – vera li kull qatra tgħodd? Organizzata: b’kollaborazzjoni mal-Malta Water Association.
17 ta’ Diċembru 2011, Il-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, 8.30 a.m. – 2.00 p.m. Tema: L-Iżvilupp t’Għawdex – sfidi u opportunitajiet Organizzata: b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali (Ministeru għal Għawdex).
Kull min irid jieħu sehem jista’ jirreġistra għal xi waħda jew aktar minn dawn is-sessjonijiet billi jikkuntattja lis-Segretarja Amministrattiva tal-Kummissjoni Ambjent permezz ta’ email: [email protected], jew [email protected]. Reġistrazzjonijiet jintlaqgħu sal-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2011. Hemm numru limitat ta’ postijiet.