Bejn il-11 u 13 ta’ Novembru, 2010, fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK), B’Kara, is-Segretarjat għall-Katekeżi qiegħed jorganizza l-Kungress Kateketiku Nazzjonali bit-tema ‘Niftħu l-Mappa’. Dan il-Kungress se joffri l-opportunita’ biex dawk responsabbli minn dan il-qasam hekk importanti, jiżnu u jixtarru l-operat tal-Knisja fir-rigward tal-katekeżi. Il-mistoqsija li se ssir riflessjoni dwarha matul dan il-kungress hi ‘kemm il-katekeżi qed twassal biex finalment twelled dixxippli ġodda għall-Mulej?’ Minn dan jiddependi kemm il-ħidma preżenti qed twassal għall-bini tal-Knisja li tista’ tkun tassew sinjal u strument tal-imħabba infinita tal-Mulej għall-bniedem.
Fi kliem id-delegat tal-Arċisqof għall-Katekeżi, Dun Rene’ Camilleri “l-eżerċizzju ta’ din is-sena se jġibna f’konfront mat-tradizzjoni ħajja li aħna rċevejna u li ma naffordjawx inħalluha tistaġna. Il-katekeżi ma tistax tikkuntenta biss li twassal lill-bniedem biex jidħol membru tal-Knisja u jirċievi s-sagramenti mill-magħmudija saż-żwieġ. Il-katekeżi minnha nfisha hija ferm iktar minn hekk. Għalhekk, f’dan il-kungress, se ‘Niftħu l-Mappa’ biex naraw il-boxxla x’direzzjoni qed tagħtina, u nippruvaw inpoġġu l-pedamenti ta’ katekeżi marbuta iżjed mal-ħajja.”
Għal dan il-Kungress hu mistieden kullħadd, partikolarment dawk Ii jaħdmu fil-qasam tal-Katekeżi, bħal ma huma l-operaturi pastorali, l-qassisin u l-kappillani.
To download the whole programme of the National Catechetical Congress CLICK HERE.