L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-istedina ta’ Ġesù tirrepeti ruħha diversi drabi fl-Evanġelju: “Min għandu widnejn ħa jisma’!” (Mt 13:43). Qed jgħid hekk għax il-kliem li għadna kemm smajna, li hu tifsira li jagħti ta’ waħda mill-parabboli – il-parabbola tas-sikrana fl-għalqa, propju huma kliem li jimpenjawna ħafna.

Jista’ jkun ukoll li wieħed jgħid kemm huma kliem qawwija dawn meta l-Mulej jitkellem dwar il-konsegwenzi tal-għażliet tagħna. Anke għax l-għażliet tagħna ħafna drabi mhumiex għażliet daqshekk definittivi; huma mmarkati min-nuqqas ta’ ħila tagħna, mid-dgħufija tagħna, mill-vizzji li nkunu waqajna fihom; ir-responsabbiltà tal-aġir tagħna mhux dejjem titlob kastig daqshekk definittiv bħal dak li jirreferi għalih Ġesù meta jitkellem fuq il-ħuġġieġa tan-nar u l-post etern tal-biki u t-tgħażżiż tas-snien (Mt 13:42).

Allura nifhmu u napprezzaw li l-istituzzjonijiet kollha fil-pajjiż jgħinuna nagħmlu għażliet dejjem aħjar bħalma hu wkoll l-uffiċċju nazzjonali tal-verifika li x-xogħol tiegħu hu delikat, ta’ responsabbiltà kbira u wkoll hu sejħa biex lil kull min qiegħed fl-awtorità, lil kull min għandu l-jedd, il-poter u d-dritt juża t-taxxi li jagħti l-poplu, il-ġid tal-pajjiż dejjem jagħmlu għall-ġid komuni, skont regoli ta’ kontabbiltà, ta’ trasparenza, u ta’ korrettezza.

Allura din il-ħaġa hi essenzjali għax tgħinna mhux biss nagħmlu għażliet tajba imma wkoll nagħtu risposta tal-aġir tagħna. Wara kollox il-Mulej juża l-parabbola tas-sikrana biex jitkellem fuq il-paċenzja tiegħu. Ħin minnhom fil-parabbola tiegħu l-għadu jiżra’ s-sikrana mal-qamħ u jgħidulu: ‘Aqlagħha s-sikrana,’ u jgħidilhom: “Le, għax nibża li jekk naqla’ s-sikrana naqla’ wkoll il-qamħ. Meta mbagħad jiġi mument il-ħsad wieħed jagħmel l-għażla li hemm bżonn issir” (ara Mt 13:29-39).

Dak li jsir biex l-affarijiet isiru sew skont il-prinċipju tal-ħakma tad-dritt jew tal-leġittimità skont il-kriterju tat-trasparenza u l-ġustizzja distributtiva, hu garanzija olterjuri li nkunu ġusti ma’ ta’ qabilna, magħna nfusna u ma’ ta’ warajna

Mela l-parabbola hi wkoll dwar il-paċenzja tal-Mulej imma wkoll dwar ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna. Hemm għazliet tajbin u ħżiena li se jkollhom konsegwenza u waħda mill-mansjonijiet importanti ta’ dan l-uffiċċju, ta’ din l-istituzzjoni li qed infakkru l-25 anniversarju tagħha, hi propju dan il-fatt: li hemm xi ħadd li fil-verifika tal-kontabbiltà u tat-trasparenza qed jgħinna biex inħaddmu l-istat, ir-responsabbiltà tagħna b’mod aħjar. “Min għandu widnejn, ħa jisma’!”

Ħafna drabi nisimgħu b’sitwazzjonijiet fejn inħossuna umiljati għax dak li suppost qed jintuża għall-ġid komuni jispiċċa għall-vantaġġ ta’ ftit u għall-interess personali tagħhom. U din hi xi ħaġa li tumiljana għax bħala ċittadini nħossuna kburin meta l-istituzzjonijiet tagħna, mill-kbir saż-żgħir, ilkoll kemm aħna skont ir-rwol tagħna, naħdmu għall-ġid komuni u l-interess tagħna jkun li ngawdu mill-ġid ta’ kulħadd. U din hi xi ħaġa li hemm bżonn nitolbu għaliha bl-interċessjoni tal-qaddisin. Illum infakkru fl-għaqal tan-nanniet tagħna għax Anna u Ġwakkin, in-nanniet ta’ Ġesù, jirrappreżentaw dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet.

Illum qegħdin hawnhekk biex nimpenjaw ruħna għal soċjetà fejn il-kontabbiltà mhix kelma kerha, it-trasparenza lanqas, u r-responsabbiltà li nimpenjaw ruħna anke b’sens ta’ ġustizzja għal min ħadem u ħallielna patrimonju kbir. F’kull familja l-ġenerazzjonijiet, iż-żgħażagħ għandhom għażla bejniethom: jisparpaljaw dak li rċevew minn ta’ qabilhom jew iħaddmuh biex jikber.

Ħafna drabi nisimgħu b’sitwazzjonijiet fejn inħossuna umiljati għax dak li suppost qed jintuża għall-ġid komuni jispiċċa għall-vantaġġ ta’ ftit u għall-interess personali tagħhom

Illum, fil-festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, nitolbu li fil-familji kollha l-ħidma tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna tgħinna u tixprunana, tinkoraġġina biex inkunu responsabbli anke mal-ġenerazzjonijiet futuri, ma’ dawk li għandhom jiġu. Wara kollox dak li jsir biex l-affarijiet isiru sew skont il-prinċipju tal-ħakma tad-dritt jew tal-leġittimità skont il-kriterju tat-trasparenza u l-ġustizzja distributtiva, hu garanzija olterjuri li nkunu ġusti ma’ ta’ qabilna, magħna nfusna u ma’ ta’ warajna.

Illum ma nistax ma nfakkarx lil San Ġorġ Preca, li ħadem għall-ġid tal-poplu tagħna l-iżjed bit-tagħlim. Hu kien jgħid: “It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid”. Nitolbu biex il-poplu tagħna, bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca, isib min jgħallmu s-sens ċiviku veru, li inti jekk tagħmel ħsara lill-patrimonju tiegħek mhux qed tagħmel ħsara biss lil ħaddieħor, imma anke lilek innifsek u lil uliedek, u qed tkun inġust ma’ min ħallilna patrimonju sabiħ.

Illum bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis Malti, li miet 60 sena ilu, nitolbu li nkunu dejjem konxji tar-responsabiltajiet tagħna u tal-fatt li rridu nagħtu kont ta’ kif inħaddmu r-responsabbiltajiet tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 14:17-22
Salm: 78 (79):8,9,11 u 13
L-Evanġelju: Mt 13:36-43