L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.” (Apok 21:3)

Ftit tax-xhur ilu ċċelebrajtu u jiena magħkom, l-25 sena mit-twaqqif ta’ din il-komunità Nisranija bħala parroċċa. Illum qed nikkonsagraw dan it-tempju. Hu mument li fih il-Mulej jirrepeti l-kelma għażiża li smajna mill-ktieb tal-Apokolassi. “Ara se nġedded kollox” (Apok 21:5).

Mel Gibson, meta f’The Passion of the Christ, jitfa’ l-ħarsa fuq Ġesù li jħaddam il-patibulum, ipoġġi din il-kelma mill-Apokalissi fuq il-fomm tal-Imgħallem. “Ara se nġedded kollox.” Huma kliem għeżież u l-Mulej jixtieq jindirizzahom lil kull wieħed u waħda minna llum. Għax id-dedikazzjoni, il-konsagrazzjoni ta’ dan l-ambjent, ta’ din il-ġebla, ta’ din il-binja, mhix xi ħaġa ġdida fl-esperjenza tagħna. Hawnhekk dan l-ambjent ilu jintuża, għas-sagramenti u l-laqgħat tal-komunità. Ilu ambjent ta’ qdusija, ta’ konċiljazzjoni, ta’ ferħ, ta’ talb fin-niket. Illum nieħdu dak li qed nagħmlu bħala sinjal ta’ volontà, ta’ rieda sħiħa, li niġġeddu.

Fil-kuntest ta’ sena speċjali ta’ grazzja, ta’ dik li l-Papa Franġisku (u llum ħsiebna jkun ukoll fih waqt li qed ibati l-isptar) li xtaq tkun ‘una grande festa di misericordia’, aħna u nikkonsagraw il-ħitan u l-artal ta’ dan it-tempju, irridu nagħtu s-sinjal ukoll tal-konsagrazzjoni tagħna.

“Sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej” (Rum 14:8). Il-kelma tal-Appostlu Missierna lir-Rumani tkun imnaqqxa fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Għax din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin. Dinja li ħafna drabi lil Alla tinsieh. Dan il-bini hu statement qawwi li Alla hu magħna, li hu jgħammar magħna, u aħna rridu nkunu l-poplu tiegħu.

Hi għażla li timpenjana f’kull nifs ta’ ħajjitna, li ssibna ħafna drabi dgħajfa, għax ir-rieda trid imma l-ġisem dgħajjef. Imma l-Mulej bil-ħniena tiegħu jfakkarna: “Ara se nġedded kollox” (Apok. 21:5). Għax ir-rikonċiljazzjoni li niċċelebraw hawnhekk, l-Ewkaristija li niċċelebraw f’dan il-post, huma s-sagramenti tat-tiġdid. U aħna lkoll kemm aħna għandna bżonn ħafna drabi f’ħajjitna nibdew mill-ġdid.

Illum insellmu lil tant nies li ħadmu f’din il-komunità, tant nies li għexu fiha. Illum insellmu lir-ragħajja ta’ din il-komunità matul iż-żminijiet, u nitolbu li l-Mulej fil-ħniena tiegħu jħares lejna u jipprovdilna komunità ħajja u ragħajja skont il-qalb tiegħu. Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin. Hu jgħammar magħhom, huma jkunu mill-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom. Alla tagħhom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 27:5-8
Salm: 91(92):2-3,13-14,15-16
Qari II: 1 Kor 15:54-58
L-Evanġelju: Lq 6:39-45

Aktar ritratti