L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Agħtini nixrob” (Ġw 4:7). Dawn kienu ż-żewġ kelmiet li qal Ġesù lill-mara samaritana meta ltaqa’ magħha fejn il-bir ta’ Ġakobb. Kienet talba li għamel lilha Ġesù, u minn hemm beda djalogu bejnu u bejn il-mara li ġab bidla sħiħa fil-ħajja tal-mara u ta’ ħafna oħrajn.
Qatt ma basret ma’ min se tiltaqa’
Ħa nħarsu l-ewwel lejn din il-mara samaritana. Din marret biex timla l-ilma mill-bir fis-sitt siegħa, jiġifieri f’nofsinhar. Ma kienx il-ħin li soltu jmorru jimlew l-ilma, għax dak il-ħin ix-xemx kienet tkun tiżreġ. Il-bir kien post fejn jiltaqgħu n-nies u jitkellmu ma’ xulxin, u jwasslu l-informazzjoni li jkunu semgħu. Imma hi riedet tkun waħedha, anke minħabba lsien in-nies. Għalhekk hi riedet tevita l-ħafna nies. Qatt ma basret li se tiltaqa’ ma’ Ġesu, li fl-Evanġelju skont San Ġwann hu msejjaħ “id-dawl veru li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1:9), u dan proprju fil-ħin li x-xemx qiegħda fl-aqwa tagħha.
Dil-mara ġiet timla l-ilma, imma f’ħajjitha kellha għatx ieħor differenti – l-għatx tal-imħabba. Kellha ħajja fejn tixxennaq għal xi ħadd li jifhimha, xi ħadd li japprezzaha. Kienet fil-fatt qed tfittex l-imħabba vera, u sabet dan proprju fid-djalogu ma’ Ġesù.
Juriha min hi u jgħinna tagħraf min hu
Ħa nħarsu ftit lejn Ġesù, u naraw b’liema mod jitkellem mal-mara. Jibda billi jitlobha, juriha li hu qiegħed fil-bżonn u li hi tista’ tgħinu. Bit-talba tiegħu qed jagħtiha messaġġ: int tiswa, int importanti, il-preżenza tiegħek hi utli. Ġesù jegħleb l-ostakli kollha reliġjużi u soċjali – il-fatt li kienet mara u li kienet Samaritana, għax il-Lhud u s-Samaritani ma kienux jitħamlu.
Bil-mod il-mod, u b’ġentilezza kbira, Ġesù jaqleb id-diskors fuq ilma ieħor – l-ilma ħaj. Ikellimha fuq dak li hu l-aktar essenzjali, l-ilma li verament jaqta’ l-għatx. U jwassal lill-mara biex tagħmillu hi t-talba “Agħtini dan l-ilma” (Ġw 4:15), l-istess talba li għamel Ġesù lilha fil-bidu. Iwassal lis-Samaritana biex tesprimi din ix-xewqa.
Kien f’dan il-mument li Ġesù jmissilha l-ferita ta’ ħajjitha “Mur sejjaħ lil żewġek” (Ġw 4:16), u jġbiha wiċċ imb’wiċċ mar-realtà ta’ ħajjitha, man-nuqqas ta’ mħabba li kellha f’ħajjitha. Innutaw kif Ġesù hu bħal mera, il-mera vera li turi r-realtà. Dan kien il-mument tal-bidla. Jgħin lill-mara bil-paċenzja, bil-mod il-mod, biex tirrealizza min hi, il-punt debboli f’ħajjitha, ix-xewqa profonda tagħha.
Jgħinha wkoll tintebah min hu Ġesù. Araha miexja bil-mod: Lhudi – Sinjur – Profeta – Messija. Meta ssemmi l-Messija, Ġesù jgħidilha: “jiena hu li qed nitkellem miegħek” (Ġw 4:26). Hi rivelazzjoni ċara; lil ħadd ma qalha din Ġesù. Iktar tard, il-mara tgħin lin-nies biex jiltaqgħu miegħu u, frott tal-esperjenza, jagħrfuh bħala s-Salvatur tad-dinja.
Id-djalogu li jwassal għal bidla
Araw dad-djalogu, din il-laqgħa personali, x’bidla ġġib. Il-mara “ħalliet il-ġarra” (Ġw 4:28), ħalliet il-ħtiġiet tagħha li timla l-ilma, u marret il-belt tgħid lin-nies. Ixxandar lil Ġesù. Ara kif Ġesù mlieha bl-ispirtu tiegħu. L-istess pattern tad-dixxipli tiegħu li ħallew ix-xbiek, ħallew id-dgħajjes tas-sajd. Dik l-istess mara li lanqas riedet taf bih, li riedet tiskartah fil-bidu, issa xxandru, issir ħabbara. Dik l-istess mara li lanqas riedet tiltaqa’ man-nies, issa tmur tfittixhom hi stess. Saret xandara, mudell ta’ kif ikun l-appostlu. U ħafna emmnu minħabba l-kelma tagħha.
In-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh. Jiġri dak li qal Ġesù: “issir għajn tnixxi l-ilma”. In-nies talbuh biex jibqa’ magħhom. U wisq iktar emmnu minħabba l-esperjenza tagħhom: “Issa mhux għax għidtilna int nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh u sirna nafu li dan tassew hu s-Salvatur tad-dinja” (Ġw 4:42). Waslu għal esperjenza personali.
X’turina din il-ġrajja għal ħajja tagħna?
Il-valur tal-laqgħa personali ma’ Ġesù
Turina l-valur kbir tal-laqgħa tagħna personali ma’ Ġesù. Aħna u niltaqgħu ma’ Ġesù fit-talb, fejn inkunu nistgħu nagħmlu dik l-esperjenza li naqraw fis-Salmi: “Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta’ l-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi” (Salm 42:2); “Alla, Alla tiegħi int, lilek ħerqan infittex. Ruħi bil-għatx għalik, għalik tixxennaq ruħi…” (Salm 63:2).
Ġesù jgħinna nkunu nafu aħjar min aħna, u jgħinna nagħrfu fih Alla li jħobbna. Hu jurina li niswew, jaċċettana kif aħna imma jagħtina l-possibiltà li ninbidlu. Hu jurina l-punti debboli f’ħajjitna, il-frustrazzjonijiet. Jgħinna biex nagħrfuh dejjem aktar. Din il-laqgħa twassal għal bidla f’ħajjitna fejn l-aktar neħtiġuha. Iwassalna wkoll biex inkunu nistgħu naqsmu mal-oħrajn l-esperjenza pożittiva, u ngħinuhom jaslu huma għand Ġesù.
Nitolbu llum biex f’ Ġesù nsibu tassew dak li jimla l-qalb tagħna. Nitolbuh ukoll biex jagħtina l-ispirtu tiegħu fil-mod kif nirrelataw mal-oħrajn – spirtu ta’ mħabba lejn kull persuna, hi min hi, hi fiex hi; ta’ mħabba li tegħleb il-preġudizzji ta’ razza, tal-kultura; ta’ mħabba li ssaħħaħ id-djalogu mal-oħrajn u li ġġib trasformazzjoni.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta