L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-kapitlu 8 ta’ San Ġwann hu forsi wieħed mill-iżjed diffiċli għax hemm djalogu iebes ħafna, polemika bejn Ġesù u l-Fariżej, Ġesù u l-Lhud. U l-kwistjoni hi: min hu Ġesù u l-għarfien tiegħu nnifsu. “Int x’taħseb li int?” (Ġw 8:53).
Min jaf kemm dil-ħaġa ngħiduha lil min iwassalna għand Ġesù u jwasslilna l-Kelma tiegħu. Imma Ġesù jibqa’ jinsisti li hu jobdi lill-Missier, iħares il-kelma tiegħu u li Abraham, missierna fil-fidi, hu dak li ra l-jum ta’ Ġesù: “Rah,” qal, “u feraħ” (Ġw 8:56). Ħin minnhom juża titlu li hu biss għal Alla: “Jiena hu” (Ġw 8:58). U hemmhekk jifhmu li hu qiegħed jagħmel lilu nnifsu u jammetti l-identità tiegħu. U jridu jħaġġruh.
Aħna nafu li quddiem is-Sinedriju Ġesù jerġa’ jiġi kkonfrontat b’din il-mistoqsija u Ġesù ma jiċħadx, ma jistax jiċħad min hu, ma jistax jiċħad ir-realtà tiegħu. Imma jpoġġi quddiemna għażla. Mhux qed jaħbi lilu nnifsu iżjed. Fil-bidu tal-Evanġelju kien jgħidilhom: “Tgħidu lil ħadd”. Issa, qrib it-tmiem, qed jiskopri verament min hu, qed jiskopri l-identità tiegħu mingħajr ħabi. U jifhmuh!
Għaliex importanti għalina aħna li din il-ħaġa nifhmuha propju lejlet id-Duluri? Għax bħal għada ġimgħa – il-Ġimgħa l-Kbira, nhar il-Ħadd – Ħadd il-Palm. Għalina nhar il-Ħadd tibda mis-Sibt fil-għaxija propjament, il-ġimgħa l-iżjed qaddisa tas-sena. Aħna l-Maltin għandna din it-tradizzjoni antika li nibdew mill-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira, dik li jgħidulha Jum id-Duluri. U għalina dawn huma jiem qaddisa ħafna. L-istedina tagħna li nemmnu li Ġesù msallab għalina u rxuxtat hu l-Iben ta’ Alla.
Jinsisti ħafna fuqha din il-ħaġa. Imma għaliex? Għax dak kollu li se jgħid, dak kollu li se jagħmel għalina għandu dik il-qawwa, il-qawwa ta’ Alla. U din hi l-fidi li rridu nġeddu aħna u narawh umiljat. Ġesù qed jitkellem fuq il-glorja tiegħu: “Dak li qiegħed jagħtini l-glorja huwa l-Missier” (Ġw 8:54). U aħna l-glorja tiegħu narawha meta narawh ikkundannat bla ħtija, ittradut, ifflaġellat, imsallab. U rridu nemmnu li dan li aħna xhieda tiegħu hu tassew l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li qed jagħti ħajtu għalija u għalik.
Aħna mhux naqbdu l-ġebel u nwaddbuhomlu imma nersqu lejh, nitolbuh ħniena u hu, permezz tal-ministeru tas-saċerdoti tagħna, midinbin bħal kulħadd, imma mogħtija din il-qawwa li jaħfru. Is-saċerdot ma jaħfirlekx f’ismu, jgħidlek: “jiena naħfirlek” u jgħidlek hekk f’isem il-Mulej bħalma s-saċerdot fuq l-Ewkaristija jgħid: “Dan hu ġismi, dan hu demmi”. Qed isellef il-vuċi tiegħu lil Ġesù. U inti tersaq lejh. Tiskandalizzax ruħek għax is-saċerdot, l-isqof, hu min hu, midneb. Alla jinqeda bil-ħmir u jsalva d-dinja. Ersaq lejn il-qawwa li qed jagħti Ġesù għall-maħfra ta’ dnubietna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta