L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hu tassew f’waqtu li l-għada taċ-ċelebrazzjoni ta’ Għid il-Ħamsin, il-Knisja tiċċelebra t-tifkira ta’ Marija Omm u Xbieha tal-Knisja. Dawn iż-żewġ siltiet mit-Testment il-Ġdid juruna b’mod sabiħ ħafna kif Marija hi Omm u Xbieha tal-Knisja.
Għandna s-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann, fejn Ġesù qiegħed fuq is-salib u hemm Marija ommu li takkumpanjah sal-aħħar. Fost l-aħħar kelmiet li jgħid Ġesù, lil Marija jgħidilha “hawn hu ibnek”, u lil Ġwanni “hawn hi ommok”, biex jagħti ’l ommu lilna lkoll. Meta naqraw li Ġwanni minn dak il-ħin “ħadha għandu”, ma ħadhiex biex tkun tiegħu u tiegħu biss, imma ħadha biex tkun omm dawk kollha li jemmnu f’Ġesù, u għalhekk minn hemmhekk Omm il-Knisja.
Imbagħad narawha fis-silta mill-Atti tal-Appostli, meta hi miġbura flimkien mal-appostli. Hawn isimhom wieħed u wieħed, u dawn kienu miġbura “qalb waħda” flimkien ma’ Marija omm Ġesu, jitolbu flimkien. Marija hija dik li mill-bidu takkumpanja lill-Knisja. U bħalma għamlet sa mill-bidu, hekk għamlet tul l-istorja tal-umanità. Għalhekk, dejjem hemm din ir-rabta ma’ Marija li hi Omm il-Knisja, u aħna ngħidulha tant spiss: “Marija Santissima, urina li inti ommna…” u hi turina dan bil-qalb kollha.
Marija hi wkoll xbieha ta’ kif għandna ngħixu aħna. Turina, meta nħarsu lejha, aħna bħala membri tal-Knisja kif għandna ngħixu.
Hi l-omm li lilna, membri tal-Knisja, tagħtina l-aqwa parir. L-aħħar kliem li nsibu li qalet Marija fl-Evanġelju hu proprju dak li qalet fit-Tieġ ta’ Kana, meta lill-qaddejja qaltilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” – “hu” tfisser Ġesù. Hu l-aqwa parir, li ma jgħoddx biss għall-qaddejja dakinhar, imma għalina dejjem. Hi, bħala Omm il-Knisja, turina lil Ġesù biex nagħmlu dak li jgħidilna hu. Hu kliem li jaqbel ma’ dak li għexet hi sa mill-bidu meta lill-Anġlu Gabrijel qaltlu: “ikun minni skont kelmtek”, u jaqbel ukoll ma’ mumenti oħra fl-Evanġelju, bħal-leħen tal-Missier fuq it-Tabor: “Dan hu ibni l-għażiż. Isimgħu lilu”. Dan hu l-parir li tagħtina dik li nsejħulha fil-Litanija “Omm tal-parir it-tajjeb”.
Marija hi wkoll xbieha ta’ kif għandna ngħixu aħna. Turina, meta nħarsu lejha, aħna bħala membri tal-Knisja kif għandna ngħixu. Hemm tant ċirkustanzi fl-Evanġelju li juruna kif għandha tkun il-ħajja tagħna: ir-rabta ta’ Marija mal-kelma ta’ Alla, l-imħabba kbira tagħha li trid taqsamha mal-oħrajn, l-umiltà tagħha, il-kura ta’ binha, is-sensittività, il-fedeltà sal-aħħar. Turina wkoll, lilna l-Knisja, kif għandu jkun it-talb tagħna – Marija li t-talb tagħha hu ta’ tifħir, ringrazzjament, kontemplazzjoni, u interċessjoni.
Illum nixtieq li nsellmu lil Marija, Omm u Xbieha tal-Knisja, bit-talba sabiħa li ħafna minna jafuha: il-‘Memorare’. Hi talba li kultant hi attribwita lil San Bernard ta’ Clairvaux, imma fil-fatt jgħidu li ma kienx hu li kitibha imma li saret popolari fis-seklu 17 minn saċerdot, Claude Bernard. Dan is-saċerdot kien jaħdem ħafna fost il-fqar u l-priġunieri, u kien jagħtihom din it-talba. Għamel ħafna ġid permezz ta’ din it-talba li baqgħet tant magħrufa fil-Knisja, u li hi talba tant sabiħa u għażiża. Nistedinkom ngħiduha flimkien: “Ftakar, ja l-iżjed ħanina, omm u verġni Marija, li qatt ma nstama’ fid-dinja li xi ħadd intefa’ taħt il-ħarsien tiegħek, talbek l-għajnuna jew fittex li tidħol għalih, u inti ma smajtux. Imqanqal minn dan il-ħsieb, għal għandek niġri, ja verġni u omm tiegħi; għandek niġi, quddiemek noqgħod, midneb u niedem, ja omm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. La tistmerrx it-talb tiegħi, iżda ismagħni u weġibni. Ammen.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju