L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemih Ġesù” (Lq 1:31) Dan hu l-kliem tal-anġlu Gabriel lil Marija, fis-silta li għadna kif smajna mill-Evanġelju skont San Luqa. Hija l-ġrajja meta l-anġlu jidher lil Marija u jagħmlilha l-istedina biex hi ssir omm Alla. Din narawha proprju ftit ġranet qabel ma niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù. Hu interessanti, fil-fatt, li ftit ġranet qabel it-twelid aħna qed naraw il-ġrajja tat-tnissil.

Hemm rabta bejn it-tnissil ta’ Ġesù u t-twelid tiegħu li niċċelebraw ftit ġranet oħra, u din ir-rabta hi rabta importanti ħafna għax meta Ġesù tnissel fil-ġuf ta’ Marija hemhekk bdiet il-ħajja tiegħu, hemmhekk daħal fil-ħajja tal-umanità. Il-ġrajja li ssemmielna t-tnissil qed turina lil Ġesù għadu proprju fl-ewwel waqt meta kien ftit ċelloli, imma kien diġà Ġesù. Ikompli jiżviluppa fil-ġuf ta’ Marija, il-ftit ċelloli jsiru iżjed, u jitwieled tarbija. Kemm hi sabiħa meta naraw viċin tat-twelid tiegħu din il-ġrajja tat-tnissil biex nifhmu dejjem ir-rabta li hemm bejn it-tnissil – il-bidu tal-ħajja umana – u t-twelid, meta mbagħad il-ħajja tidher u hemmhekk jaraw it-tarbija Marija u Ġużeppi.

Ħa nħarsu lejn Marija f’din il-ġrajja. Lil Marija narawha l-ewwel nett persuna ta’ fidi kbira, omm il-fidi tagħna. Meta dehrilha l-anġlu, hi kellha diġà pjanijiet oħra, ħsibijiet oħra għall-ħajja tagħha. Imma kif għarfet li dan hu messaġġ minn Alla, anke jekk ma fehmitx kollox – żgur li ma ratx minn qabel dak li kienet se tfisser – imma fetħet qalbha għar-rieda ta’ Alla u qalet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Qiegħdet il-fiduċja tagħha fil-kelma ta’ Alla, u hekk baqgħet tgħix ħajjitha kollha. Mara ta’ fidi kbira, fidi li mexxietha fiż-żminijiet diffiċli li għexet, għax f’kull waqt tal-ħajja ta’ Marija dejjem narawha bi sfidi kbar għall-fidi tagħha.

Marija hija l-persuna tat-tama, tat-tama Nisranija. Għalhekk ngħidulha omm it-tama. Hi għarfet li t-tama Nisranija mhix sempliċiment xewqa li jkollok, imma tibqa’ inċert, dubjuż – bħalma kultant nużawha aħna dil-kelma “nittama”. Imma t-tama Nisranija hi mibnija fuq l-imħabba ta’ Alla li hi ċerta, u mibnija fuq il-wegħda ta’ Alla li sseħħ, il-kelma tiegħu li qatt ma tqarraq bina. Lil Marija narawha b’din it-tama Nisranija mill-bidu tagħha stess, fl-ewwel rakkont fejn tidher Marija, u tibqa’ hekk sal-aħħar. Fil-fatt, ara t-tama kbira tagħha: meta l-anġlu qalilha fuq Ġesù “Hu jkun kbir, u jissejjaħ bin Alla l-għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 1:32-33) – dan kollu li Marija semgħet mill-anġlu fil-fatt ma ratux daqshekk ċar fil-ħajja tagħha, u ratu inqas ċar fl-aħħar, meta Ġesù kien imsallab. Għax minn dak kollu li qalilha minn barra ma deher xejn minnu. Imma kellha t-tama Nisranija li l-kelma ta’ Alla sseħħ, li ma tqarraqx, u ż-żmien taha raġun.

Marija hija wkoll il-persuna ta’ mħabba kbira, omm l-imħabba. Hawn tgħid “jiena l-qaddejja tal-Mulej”. Kellha dan is-sens kbir ta’ servizz, ta’ mħabba kbira lejn Alla li wrietha fl-imħabba tagħha lejn l-oħrajn. Fil-fatt, hemm rabta kbira bejn din is-silta meta l-anġlu Gabriel jidher lil Marija, u jħabbrilha l-pjan ta’ Alla, u hi taċċetta, ma’ dak li jiġri wara. Kif tgħid “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej” – twieġeb b’din l-imħabba għall-imħabba tal-Mulej – x’tagħmel? Eżatt wara, tmur tiġri, “tħaffef” (Lq 1:39) lejn il-qaribha tagħha Eliżabetta. L-imħabba lejn Alla turi ruħha fl-imħabba lejn l-oħrajn.

Għalhekk Marija hija l-isbaħ eżempju tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba. Nitolbuha llum, l-ewwel nett li napprezzaw u ngħożżu l-ħajja bħalma kienet tgħożżha hi, u l-ħajja kollha: mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha – kif smajna hawnhekk f’dan ir-rakkont – sat-tmiem naturali tagħha. U li ngħixu din il-ħajja bl-istess spirtu tagħha, jiġifieri: bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta